
Immaġina dinja mingħajr mużika, kotba, logħob jew films – tad-dwejjaq, hux hekk? Jekk nappoġġjaw lill-artisti kulħadd ser igawdi minn dan kollu, mhux l-artisti biss!
Immaġina li kieku l-kantant jew l-attur favorit tiegħek, jew forsi xi digital creator, ma jkunx jista’ jkompli jagħmel dak li jħobb. Jista’ jkun hemm diversi raġunijiet għala xi artisti ma jkunux jistgħu jkomplu b’din il-professjoni. Jista’ jagħti l-każ li ma jsibux biżżejjed appoġġ finanzjarju, jew inkella jkun hemm kundizzjonijiet oħra li jagħmluha diffiċli wisq biex ikomplu xogħolhom.
Kerha, din is-sitwazzjoni, hux hekk? Allura x’nistgħu nagħmlu biex nevitaw li tiġri xi ħaġa hekk? Hawnhekk tajjeb nitkellmu daqsxejn dwar iċ-Charter għall-Istatus tal-Artist, speċi ta’ ftehim bejn dawk li jmexxu l-pajjiż, li jġib miegħu ċerti regoli bżonjużi sabiex jgħinu lill-artisti jkomplu b’xogħolhom bla xkiel ta’ xejn.
Iżda tinkwetawx – dawn mhumiex xi regoli tad-dwejjaq, bħal ngħidu aħna li trid tqum f’ċertu ħin, jew li tagħmel il-homework qabel ma tilgħab xi logħba. Dawn ir-regoli huma intiżi sabiex il-persuni kreattivi kollha jkunu jistgħu joħolmu u joħolqu bla tħassib.
Biex nagħtukom eżempju aħjar, dawn huma wħud mill-affarijiet li qed jiġu salvagwardjati permezz ta’ dan iċ-charter:
Kulħadd għandu d-dritt li jkun kreattiv.
Jekk inti attur, mużiċist, pittur, kittieb jew artist ta’ kwalunkwe tip ieħor, inti għandek tkun liberu li tesprimi lilek innifsek.
L-artisti jixirqilhom trattament ġust.
Dan ifisser li l-artisti jitħallsu ta’ xogħolhom kif inhu xieraq, u jkollhom ukoll aċċess għall-għajnuna jew is-self daqs kwalunkwe professjoni oħra.
Ix-xogħlijiet artistiċi għandhom jiġu protetti.
Jekk xi ħadd joħloq kanzunetta jew storja sabiħa, din ma tistax tinsteraq jew tiġi kkupjata minn ħaddieħor!
L-artisti jeħtieġu aċċess għal spazji xierqa fejn jipprattikaw l-arti tagħhom,
kemm jekk teatri, studjows, galleriji jew spazji oħra.
It-tagħlim qatt ma jieqaf.
Anke l-artisti adulti għandhom bżonn ikomplu jitgħallmu affarijiet ġodda, u permezz ta’ dan iċ-charter nassiguraw ruħna li dan iseħħ.
Insomma, fi kliem aktar sempliċi, dan iċ-charter jagħti valur lill-artisti u lil xogħolhom, filwaqt li joffri għodod ġodda sabiex id-dinja tibqa’ sabiħa u mimlija kuluri, mużika, arti u xogħlijiet artistiċi oħra.
Il-parti sabiħa hi li ħafna artisti u nies minn Malta għenu biex jinħoloq dan id-dokument. Allura mhuwiex xi ħaġa miktuba biss minn xi kelliema jew uffiċjali, imma xi ħaġa magħmula flimkien ma’ min se jgawdi minnha.
Għalhekk id-darba li jmiss tmur għal xi kunċert, tilgħab xi logħba jew taqra xi ktieb tal-komiks, ftakar: wara kollox hemm xi artist. U grazzi għal dan iċ-charter l-artisti issa għandhom ċans aħjar li jkomplu jaqsmu l-kreattività tagħhom miegħek.
































