Avventura li tagħmel it-teknoloġija ta’ kuljum tinftiehem aħjar

L-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali f’Malta (MDIA) b’kollaborazzjoni ma’ Tech.mt ħolqu serje ta’ komiks lokali, The Maltaverians, li qed tiġbed l-attenzjoni għall-mod kif tindirizza t-teknoloġija fid-dinja reali fi stejjer avventurużi, għal kull min iħobb il-komiks, iħobb jaqra, jew għal dawk li jħobbu t-teknoloġija.

Maħluqa minn team iddedikat, din is-serje tgħaqqad l-umoriżmu, l-avventura u persunaġġi kurjużi, inkluża l-favorita tal-qarrejja Bella Bit u l-viljakk Prof. Borgon Phase. Il-komik juri kif l-għodod diġitali jiffurmaw il-ħajja ta’ kuljum.

Fil-bidla teknoloġika mgħaġġla, The Maltaverians joffri triq differenti kif tista’ titgħallem it-teknoloġija permezz ta’ storja. Kull avventura qasira hija bbażata fuq sitwazzjonijiet li kulħadd diġà jiltaqa’ magħhom fil-ħajja ta’ kuljum, fosthom is-sigurtà diġitali u online, il-privatezza, il-logħob online, l-internet, il-gadgets, l-intelliġenza artifiċjali, l-algoritmi, id-data, in-networks u bosta oħrajn.

Skont Trevor (l-editur) u t-tim tiegħu, l-approċċ kreattiv hu importanti daqs il-messaġġ. Il-komik jinkiteb u jiġi kreat permezz ta’ proċess ta’ “writer educator – technologist – artist”, li jgħaqqad is-sengħa tradizzjonali tal-illustrazzjoni mat-tagħrif biex il-komik iżomm il-valur avventuruż mingħajr ma jkun akkademiku. Minflok ma jispjega biss kif taħdem it-teknoloġija, The Maltaverians juri għaliex hu importanti kif deċiżjoni żgħira online tista’ tħalli effett fid-dinja reali, jew kif għodda sempliċi ssolvi problema ta’ kuljum.

Biex il-kontenut ikun saħansitra aktar sempliċi, kull ħarġa tinkludi glossarju li jispjega t-termini tat-teknoloġija.

Il-proġett li s’issa żviluppa erba’ episodji favur litteriżmu diġitali u qed jitqassam lill-istudenti kif ukoll lill-pubbliku waqt fieri u attivitajiet fosthom PlayCon, Comic Con u TechXpo. Flimkien ma’ kopji printjati hemm ukoll edizzjoni diġitali biex tiżgura li studenti, għalliema u familji jkunu jistgħu jaqrawh fuq kwalunkwe mezz.

Waqt PlayCon li seħħet ix-xahar li għadda, kumment komuni kien “Stejjer sbieħ u mingħajr ma’ naf tgħallimt fuq teknoloġiji li lanqas kont naf li jeżistu u li diġà nużahom. Wow u prosit e!!!”

Il-komik huwa ppubblikat kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż.

L-għan tal-komik hu li jgħin lill-qarrejja jifhmu aktar ir-realtà diġitali fid-dinja
tal-lum, mill-gadgets li jkollhom f’idejhom u s-sistemi diġitali ta’ madwarhom, waqt li jqanqlu interess fil-karrieri tat-tech.

Covers Maltaverians

Anke inti tista’ toħloq komik!

Ikkrea komik oriġinali, oħloq storja qasira bbażata fuq it-teknoloġija favorita tiegħek. Żomm id-disinn u l-istorja sempliċi.

Il-proċess

  1. Idea Ikteb sentenza waħda, eż: “Żewġt iħbieb isewwu robot li ħarab.”
  2. Characters Min hemm fl-istorja? Xi rwol għandhom?
  3. Script Ikteb x’jiġri b’mod organizzat (dak li ser naraw + dak li jintqal).
  4. Thumbnails Sketches żgħar tal-panels kif se tippjanahom fuq il-paġna.
  5. Page layout Iddeċiedi kemm panels se jkollok u fejn imorru.
  6. Pencils Tpinġija ħafifa/ċara tal-karattri f’poża, sfond u affarijiet li tixtieq li jidhru.
  7. Lettering Żid speech bubbles, captions u sound effects (ikteb kollox bil-Malti).
  8. Inking Agħti outline skur u nadif fuq il-linji li diġà pinġejt b’pinna rqiqa u ħassar il-lapes.
  9. Colour/tones (jekk trid) Agħti l-kulur u żommu sempliċi.
  10. 10. Final check Is-sekwenza ċara? It-test jinqara faċilment? L-istorja tinftiehem?

Paġna tal-komiks tinkludi:

  1. panel, 2. gutter (l-ispazju bejn il-panels), 3. speech bubbles (djalogu),
  2. caption (kaxxa bi spjegazzjoni tan-narratur), 5. sound effects bħal BUMM!, 6. motion lines (juru azzjoni), u 7. framing (viżwal mill-qrib, mill-bogħod, minn fuq, taħt eċċ:).
Paġni tal-Komiks

L-Avventura tibda hawn. Oħloq paġna waħda A4 b’5–7 panels; daħħal caption, speech bubbles, sound effects u motion lines; żid ismek, l-età u fejn tmur skola u ibgħat ritratt jew scan ċar lil info@ilgurnal.mt. Se jintgħażlu 3 xogħlijiet minn tagħkom biex nuruhom fit-tielet ħarġa ta’ Il-Ġurnal!