Intervista minn Rita Saliba
Lanqas temmen! B’kumbinazzjoni ltqajna ma’ Trevor Żahra u staqsejnieh baraxx mistoqsijiet
Qatt immaġinajt xi karattru minn tiegħek jirrispondik lura għax iddaħħlu f’xi praspura?
Iva, lil Kunċett. Dik tħobb tixlini li ndejjem niffavorixxi lil Marinton. U forsi għandha raġun!
Għidilna “regola sigrieta” tiegħek meta tikteb. (Eż. Qatt ma nibda mingħajr…)
Qatt ma nibda qabel ma nagħtas xi tlieta wara xulxin. Naħseb qed inbati mill-AAK… Attakk ta’ Allerġija għall-Keyboard!
Kieku l-kotba tiegħek kellhom togħma jew riħa, liema kienet tkun?
Ħobż Malti ħiereġ mill-forn ta’ Barbetta. Maaa, kemm inħobbu!
L-iktar post stramb fejn ġietek idea tajba.
Waqt funeral… u fuq il-vaska tat-toilet.
Jekk jiġi xi ħadd u jgħidlek, “Trevor, għandi idea aħjar minn tiegħek,” kif tkun ir-reazzjoni tiegħek?
Ngħidlu, “Mela ma tantx hi idea tajba, xbin!”
L-ewwel ktieb tiegħek kien avventura. Kieku llum għadek se tibda, liema “avventura” tkun? Fl-ispazju, fil-baħar jew skola mimlija mostri?
Fl-ispazju… Inħalli l-paġni kollha vojta biex il-qarrej iħoss tabilħaqq sens ta’ spazju!!!
Liema karattru tiegħek għandu jittella’ l-Qorti għax dejjem jaqla’ l-inkwiet?
Il-Kavallier John Giordimaina, għax ostreċ veru jqabbiżhieli!
Kif tikkonvinċi student li jgħid, “Jien ma nħobbx naqra” biex jaqra paġna waħda?
Ngħidlu, “Jekk tagħmel xahar taqra paġna kuljum, fi tmiem ix-xahar nagħtik kaxxa deheb. Imbagħad wara x-xahar ngħidlu, “Jekk qrajthom b’attenzjoni, il-kaxxa deheb ħadtha diġà!”
X’kien l-iktar mument “Leee, mhux hekk!” waqt li kont qed tikteb storja?
Il-ktieb SFIDI kont bdejt niktbu kollu fl-ewwel persuna, mill-perspettiva ta’ wieħed mill-karattri, imma meta wasalt f’nofsu ndunajt li b’dak il-mod l-istorja ma kinitx qed taħdem kif xtaqtha, u bdejt kollox mill-ġdid, fit-tielet persuna.
Iddeskrivi lilek innifsek bi 3 emojis (u spjegalna għaliex).
Inħobb nidħak… Inħobb niekol… Inħobb norqod!

Ġieli ivvintajt kelma inti biex tispjega xi ħaġa tad-daħk?
Ma nafx jekk forsi qalhiex xi ħadd ieħor qabli, imma darba xi mkien ktibt, biċ-ċajt, ifPhotoshoppjajtek mill-aħjar li stajt… jiġifieri rranġajt ir-ritratt tiegħek permezz tal-Photoshop.
Jekk tista’ tħalli messaġġ f’kull basket tal-iskola f’Malta u Għawdex, xi jkun?
Aħjar teħel mill-eżamijiet kollha u tgħaddi mill-eżami tal-ħajja.
Kieku l-kotba tiegħek jistgħu jitkellmu, x’jgħidu fuqek?
Kemm hu fitt! Inkunu mingħalina li lesti biex noħorġu barra u jibqa’ jinsisti li jirranġalna xagħarna, jillustralna ż-żarbun u jillixxjalna l-għonq tal-qmis. Qatt ma jikkuntenta b’xejn!
X’inhi l-iktar “skuża” kreattiva li qatt smajt mingħand student?
M’għamiltx l-esej għax naf li trid tqatta’ nofstanhar biex tikkoreġihuli. Nitħassrek!
Jekk Malta kellha karattru nazzjonali, kif timmaġinah?
Buffu tal-kummiedja jew l-għaġeb tal-presepju.
Kieku kont karattru fi ktieb tiegħek, tkun supereroj, pezzakustjoni jew kwiet?
Kollox nimmaġinani, minbarra supereroj. Naħseb nippreferi nkun kwiet… għax fi tfuliti dejjem hekk kont.
Kif tagħraf li idea għal storja hi tajba?
Meta tibda tħallini lejl sħiħ imqajjem nhewden fuqha u nitqalleb.
Semmilna ħaġa waħda li trid li t-tfal jieħdu magħhom minn kull storja?
Pjaċir!
Inti tagħmel pjan jew tibda tikteb u tħalli l-istorja tmexxik?
Il-biċċa l-kbira nagħmel pjan dettaljat. Imma ġieli kelli każi iżolati meta bdejt nikteb bla ma naf eżattament fejn sejjer. U ġieli spiċċajt ġol-ħajt!
Kieku inti kont tifel ta’ 12-il sena llum x’tip ta’ kotba tħobb taqra?
Naħseb li naqra l-istess kotba li kont naqra fi tfuliti: tal-Aħwa Grimm, ta’ Hans Christian Andersen, Pinokkjo, Alice in Wonderland eċċ.
Liema kienet l-aktar esperjenza tad-daħk li qatt kellek, u oħra imbarazzanti? Emm… jekk m’intix qed tistħi tgħidilna!
Tad-daħk kelli mijiet, bħal dik ta’ meta f’għeluq snini sħabi tal-iskola kienu żebgħuli l-karozza kollha sewda! Imbarazzanti kienet dik meta darba ltqajt ma’ ħabib antik tiegħi u li bl-ebda mod ma stajt niftakar x’jismu. F’daqqa waħda resaq ħabib ieħor fuqna u talabni biex nintroduċih!
X’inhi l-iktar ħaġa li tħobb tpinġi?
L-annimali! Qamla l-aħjar, għax dik illestiha f’sekonda!
Li kieku kellek tgħix ġo ktieb tiegħek għal ġimgħa… liema żgur li ma tagħżilx?
X’Tixtiequ Jagħmel il-Fenek? Illum li għandi 78 sena dik li joqgħod iġerrini minn sitwazzjoni għal oħra ma niflaħhiex!
Liema tipi ta’ umoriżmu jaħdmu l-aktar mat-tfal Maltin? Il-logħob bil-kliem, sitwazzjonijiet komiċi jew karattri strambi?
Naħseb l-aktar li jaħdmu huma sitwazzjonijiet komiċi… imma nixtieq li kieku japprezzaw aktar il-logħob bil-kliem.
Kieku kellek tagħti superpower lil kull qarrej, liema tkun?
Dik li jtiru. Kieku taf kemm noħlomha! U kemm ngħir għall-għasafar!!!
Hemm xi esperjenza personali jew reazzjoni ta’ qarrej żgħir li baqgħet f’moħħok u li turi l-qawwa tal-umoriżmu fil-kotba tat-tfal?
Darba omm qaltli, “Konna ninkwetaw għax it-tifla rarissimu kienet tidħak. Konna qed nikkunsidraw li nkellmu lil xi speċjalista. Imma l-ktieb tiegħek, li proprju jismu Ħadd ma jista’ jidħak… donnu fetħilha l-vit!”
U fl-aħħar: X’parir tagħti lil min iħobb jikteb? X’għandu jagħmel biex jispira ruħu għall-ideat, u x’elementi huma l-aktar importanti fil-kitba?
Jiena dejjem nagħti l-istess pariri: Aqra, aqra u AQRA! Ħadd ma jista’ jkun kittieb jekk ma jkunx ukoll qarrej! Nemmen ukoll fid-dixxiplina. Għaddas rasek u ikteb… u ħallik mill-muża!






























