SportMalta Logo

Wara s-suċċess tal-programm ‘On the Move’, SportMalta issa qed twettaq l-inizjattiva nazzjonali ‘Let’s Move Malta’, li diġà qed toffri aktar opportunitajiet ta’ attività fiżika fil-komunità.

Din l-inizjattiva tikkonferma l-impenn kontinwu ta’ SportMalta biex toħloq ambjent aktar attiv u b’saħħtu għal kulħadd.
‘Let’s Move Malta’ qed tfisser aktar aċċessibbiltà, aktar varjetà u aktar kwalità fil-programmi sportivi li qed jiġu offruti madwar Malta.

Bħala parti minn din l-evoluzzjoni SportMalta qed timplimenta b’mod attiv diversi inizjattivi, fosthom:

  • sessjonijiet estiżi ta’ Sport Fundamentals, li issa jdumu siegħa u nofs minflok siegħa, sabiex it-tfal ikollhom aktar ħin biex jiżviluppaw il-ħiliet fundamentali tagħhom f’ambjent sikur u ta’ appoġġ;
  • programmi msaħħa għall-adulti, inklużi Zero to 5km, fitness, aqua fitness, yoga, dance fitness u attivitajiet oħra li jħeġġu stil ta’ ħajja attiva;
  • il-programm Ġenituri u Tfal għal tfal ta’ bejn it-2.5 u t-3 snin, li fih il-ġenituri jipparteċipaw flimkien mat-tfal tagħhom f’attivitajiet ta’ moviment fuq l-art u fl-ilma. Dan huwa programm ta’ 22 ġimgħa li qed jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-aġilità, il-bilanċ, il-koordinazzjoni u l-kunfidenza tat-tfal;
  • Teen Adventure, programm ta’ 28 ġimgħa għal adolexxenti bejn it-12 u s-16-il sena, li jinkludi mhux biss attività sportiva iżda wkoll sfidi fil-beraħ u ħiliet ta’ ħajja bħall-ewwel għajnuna u s-sikurezza fl-ilma. Il-parteċipanti qed jiżviluppaw il-kunfidenza, ir-reżiljenza u t-teamwork, filwaqt li jissaħħaħ l-interess tagħhom fi stil ta’ ħajja attiva;
  • SportMalta Hubs, li qed jiffunzjonaw bħala spazji ta’ kollaborazzjoni ma’ assoċjazzjonijiet u klabbs sportivi, bil-għan li l-isport isir aktar inklużiv u aċċessibbli. Dawn il-hubs qed jiggwidaw ukoll lill-parteċipanti biex jagħmlu l-pass li jmiss fil-vjaġġ sportiv tagħhom.

Dawn il-programmi qed jitwettqu fil-faċilitajiet ta’ SportMalta, inklużi:

  • Cottonera Sports Complex
  • Tal-Qroqq Sports Complex
  • Kirkop Sports Complex
  • Marsa Sports Complex
  • Maria Assumpta Sports Complex
  • Mosta Centre

Dawn l-inizjattivi kollha se jkunu inklużi fil-Let’s Move Malta Summer Programme 2026, li se jkompli jibni fuq is-suċċess tal-programmi eżistenti. Bħala parti minn dan il-programm tas-sajf, SportMalta se tkun qed tilqa’ wkoll is-Sailing Hub, li se joffri opportunitajiet ġodda marbuta ma’ sports tal-baħar.

Is-Summer Programme 2026 se jilqa’ lill-parteċipanti fil-kumplessi sportivi msemmija hawn fuq, u se jkun organizzat bħala Sport Summer Programme b’għażliet ta’ 2, 3 jew 5 ijiem fil-ġimgħa. Il-programmi se jkunu offruti f’ħinijiet normali bejn is-7.30 u 12.00 jew bejn is-7.30 u s-14.00, sabiex jilħqu l-bżonnijiet differenti tal-familji.

Dawn il-programmi tas-sajf se jitnedew uffiċjalment fit-2 ta’ Marzu 2026.

Barra minn hekk SportMalta se terġa’ tilqa’ l-Programm tal-Gymnastics fil-Marsa Sports Complex, li se jkun programm ta’ 5 ijiem fil-ġimgħa, bejn is-07.30 u 12.00.

Apparti minn hekk, diversi programmi oħra se jitnedew skont il-kumpless sportiv għal sessjonijiet filgħaxija, fosthom Sport Fundamentals, Gymnastics, Swimming u programmi oħra, sabiex l-attività fiżika tibqa’ aċċessibbli tul il-ġurnata kollha u għal kull età.

Biex jirriserva post fiċ-ċentri sportivi madwar Malta, il-pubbliku issa qed juża s-sistema l-ġdida tal-bookings ta’ SportMalta permezz tas-sit www.sportmalta-bookings.com