
Matul ix-xahar ta’ Novembru gruppi differenti tal-Malti tas-Seba’ Sena kellhom opportunità tad-deheb. Dan għaliex żaru l-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu u setgħu jaraw diversi affarijiet u mkejjen interessanti, fosthom: il-Kamra tal-Kardinali u t-Torturi, drappijiet u għodod antiki, ċelel, kif ukoll sensiela ta’ sorsi primarji li jorbtu mal-etnografija, jiġifieri dak li jagħmilna intrinsikament Maltin. Iżjed minn hekk, kellhom iċ-ċans isegwu taħdita informattiva mill-kuratriċi tat-Tessuti tal-Kollezzjoni Nazzjonali, is-Sa Anne Marie, ilibbsu manikini b’kostumi tradizzjonali Maltin, u jinterpretaw skript li kien imħejji minn qabel waqt xi lezzjonijiet tal-Malti. L-istudenti wrew interess, tgħallmu f’kuntest differenti minn tas-soltu u pparteċipaw qatigħ.
Ħajr lid-Dipartiment tal-Malti talli għal sena oħra ħa ħsieb jorganizza dawn is-sessjonijiet ferm interessanti u edukattivi għall-istudenti tagħna.


































