Ġieli kont qed tagħmel il-homework, bilqiegħda fuq is-siġġu b’sieq waħda taħtek u l-oħra mdendla?

Imbagħad jgħajtulek biex tmur tiekol, tqum tiġri… imma sieq waħda tħossha tqila, qisha mhix hemm, jew tħoss bħal tnemnim fiha. Tkun raqdet!

Meta jiġrilek hekk iddum ftit ma terġa’ tibda tħoss sieqek. Għaliex jiġri dan? Imma tassew il-partijiet ta’ ġisimna jiddeċiedu li jaqbdu u jorqdu? Ajma ħej! Tkun se tieħu sehem f’xi tellieqa u sieq waħda tiddeċiedi li għandha n-ngħas!

Ma ġara xejn. Dak kollu tort tan-nervituri. Dawn in-nervituri huma bħal wajers irqaq li jgħaddu tul ġisimna kollu. Xogħolhom hu li jgħaddu l-messaġġi lill-moħħ. Meta toqgħod bilqiegħda u sieqek tkun mgħaffġa taħtek tkun qed tagħfas fuq in-nervituri ta’ sieqek. Dawk in-nervituri ma jistgħux jibagħtu messaġġi lill-moħħ bħalma s-soltu jagħmlu. Bħal meta tkun waqt telefonata u tinqata’ l-linja. Hekk il-messaġġ ma jasalx. L-istess sieqek. Ma tistax tibgħat messaġġ lill-moħħ dak il-ħin.

Xħin tqum bilwieqfa jew tneħħi sieqek minn taħtek, in-nervituri ma jibqgħux mgħaffġin u ftit ftit tibda terġa’ tħoss sieqek. Jista’ jkun li jkollok ħafna tnemnim jew bħal labar żgħar iniggżu u ġieli tweġġa’ ftit. Imma bil-mod il-mod sieqek terġa’ tiġi għal li kienet u l-uġigħ jew it-tingiż jitlaq.

Għalhekk mhux ta’ min jinkwieta fuqha din il-ħaġa. Importanti li meta noqogħdu bilqiegħda noqogħdu daharna dritt u saqajna quddiemna. U attenti li ma tgħaffġux nervituri għalxejn!