Inkomplu nlaqqgħukom mal-pubblikaturi lokali. Did-darba nistednukom tiskopru lil Klabb Kotba Maltin u lil Faraxa Publishing. Jekk qrajt xi wieħed minn dawn il-kotba iktbilna x’għoġbok fihom u ibgħat email lil matthew.borg@ktieb.org.mt u nippubblikawhielek f’dil-gazzetta… u nrebbħuk xi kotba wkoll!
Vera Malta żgħira, imma joħorġu mijiet ta’ kotba għat-tfal u ż-żgħażagħ fis-sena.

Klabb Kotba Maltin
Il-Klabb Kotba Maltin ilu jippubblika l-kotba għat-tfal aktar minn 50 sena, bl-ewwel wieħed ikun Darbtejn Insiru Tfal ta’ Charles Casha. Fost il-kotba popolari għat-tfal li l-Klabb ippubblika nsibu s-sensiela tal-Leġġendi, kif ukoll riċentement sensiela ta’ kotba dwar il-mitoloġija Griega mill-pinna tal-awtur internazzjonali Malti Saviour Pirotta.
Għalina tal-Klabb il-qari għat-tfal hu importanti, għax b’hekk intom li tħobbu taqraw twessgħu l-vokabularju tagħkom tal-Malti… u b’hekk issiru tafu aktar dwar id-dinja!
Fost il-kotba li l-Klabb ħareġ f’dawn l-aħħar xhur hemm żewġ settijiet verament ħelwin, immirati għat-tfal ta’ bejn is-6 snin u t-8 snin. Dawn il-kotba saru b’ħidma mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.
Hawnhekk qed inġibulkom ftit informazzjoni dwar iż-żewġ settijiet. Nisperaw li jogħġbukom!
Għal aktar kotba żuru s-sit tagħna www.midseabooks.com

Nina n-Nokkla
L-ewwel sensiela hija bbażata fuq il-karattru ta’ Nina n-Nokkla, tifla kurjuża immens li bis-saħħa t’hekk tgħaddi minn bosta avventuri sbieħ. It-titli tal-erba’ kotba huma Festa ta’ Kuluri, Il-Kamaleonte tal-Ġnien, L-Avventura Riħ Riħun u Iċ-Ċkejken Ġurdien. L-awtur ta’ dawn il-kotba hi Nadia Abdilla filwaqt li l-illustratriċi hi Elisa Chetcuti. Kull ktieb jista’ jinqara għalih, u l-qari huwa mexxej.
Bett u Mike
Sensiela oħra ta’ erba’ kotba hi dwar l-aħwa Bett u Mike. Dawn il-kotba joħduna fuq vjaġġ tul l-istaġuni tas-sena – is-sajf, il-ħarifa, ix-xitwa u r-rebbiegħa – li fihom Bett u Mike jgħidulna x’jogħġobhom u x’ma jogħġobhomx f’dak l-istaġun. Il-kotba kitbithom Claudia Aloisio u t-tpinġijiet huma ta’ Cindy Monroy.


Faraxa Publishing
Faraxa hija dar tal-pubblikazzjoni li ftit hi ikbar minnkom – se tagħlaq 15-il sena dalwaqt!
Nippubblikaw kotba ta’ kull tip, kemm għaż-żgħar kif ukoll għall-kbar, u għandna xi kotba li kitbu tfal bħalkom, ukoll.
Aħna nħobbuhom ħafna l-kotba, u nittamaw li intom tħobbu taqrawhom!
Għal aktar kotba żuru s-sit tagħna www.faraxapublishing.com

Max il-Kelb, li se jġiegħlek tħobb aktar lil kulħadd
Il-kotba fis-serje ta’ Max il-Kelb, miktubin minn Evan Chetcuti, ilaqqgħuna ma’ Max, kelb ferrieħi u kurjuż li jħobb jiġri u jilgħab. Fil-bidu tal-ewwel ktieb Max ikun waħdu, bla dar, imma malajr isib familja li tħobbu u tgħożżu. Max jgħallimna l-empatija, mhux biss għal xulxin imma għall-ħlejjaq kollha fid-dinja. Kotba perfetti għat-tfal li jħobbu l-annimali u li huma kurjużi bħal Max!
Ktieb li jiswa daqs tnejn
Bebbux u Pjanti Salvaġġi huwa ktieb b’żewġ stejjer ta’ Patricia Bondin dwar is-sbuħija tal-ambjent u l-importanza li nieħdu ħsieb id-dinja ta’ madwarna. Fl-ewwel rakkont niltaqgħu ma’ annimal żgħir imma bżonjuż, u fit-tieni rakkont in-nannu jgħidilna dwar l-importanza tal-ħaxix ħażin. Miktubin b’ittri kbar u mimlijin illustrazzjonijiet sbieħ dawn l-istejjer ma ddumx biex taqrahom… u ma tkunx tridhom jispiċċaw!
































