L-istorja tal-Moviment Missjunarju Ġesù fil-Proxxmu
“Min ser jieħu ħsieb dawn it-tfal?”
-Dun Ġorġ Grima
Min kien Dun Ġorġ Grima?
Dun Ġorġ Grima kien saċerdot missjunarju li ħadem bla waqfien biex jgħin tfal orfni u vulnerabbli. Wara li ġie ordnat saċerdot beda l-missjoni tiegħu fil-Brażil fl-1977 u waqqaf il-Moviment Missjunarju Ġesù fil-Proxxmu fl-1987.
Matul ħajtu waqqaf aktar minn 200 orfanatrofju u bosta skejjel, u kompla jwettaq proġetti ta’ karità f’diversi pajjiżi.
Meta miet fl-2017 ħafna nies ħassewh, iżda l-moviment baqa’ għaddej taħt id-direzzjoni ta’ Dun Alex Cauchi, li jkompli jassigura li dawn it-tfal jirċievu l-għajnuna meħtieġa.

Taf x’inhu l-Moviment Missjunarju Ġesù fil-Proxxmu?
F’ħafna pajjiżi madwar id-dinja hemm tfal li m’għandhomx dar, biżżejjed ikel jew skola fejn jitgħallmu. Għalhekk inħoloq grupp speċjali jismu Ġesù fil-Proxxmu biex jgħin lit-tfal fil-bżonn!
Min beda dan il-moviment?
Ġesù fil-Proxxmu twaqqaf minn saċerdot qalbu tajba minn Għawdex jismu Dun Ġorġ Grima. Huwa xtaq jgħin lit-tfal foqra f’postijiet bħall-Brażil, l-Etjopja u l-Kenja. Peress li ma setax jagħmel dan waħdu, waqqaf dan il-moviment biex in-nies jingħaqdu flimkien u jgħinu.
Qassis li kien jismu Dun Ġorġ Grima minn Għawdex kien mar missjunarju l-Brażil. Kien jiltaqa’ ma’ ħafna tfal foqra li kienu jgħixu fit-triq. Beda jgħinhom. Wara xi żmien marad u kellu jerġa’ jiġi lura Malta. Imma baqa’ jaħseb fuqhom. Kien jgħid: “Min ser jieħu ħsieb dawn it-tfal?” Beda jiġbor il-flus biex jibgħathom hemm sabiex dawn it-tfal ikollhom fejn joqogħdu, jieklu u jitgħallmu. Ftit wara, eżattament 37 sena ilu, waqqaf il-Moviment Missjunarju Ġesù fil-Proxxmu, għax kif qal Ġesù: “Dak li tagħmlu mal-iċken wieħed qed tagħmluh miegħi.“

X’jagħmel il-moviment?
Il-moviment jibni orfanatrofji, skejjel, u jipprovdi ikel, mediċina u ilma nadif lil eluf ta’ tfal. Illum Ġesù fil-Proxxmu jieħu ħsieb it-tfal f’aktar minn 200 orfanatrofju f’dawn il-pajjiżi!
- Jagħtu lit-tfal post sikur fejn jgħixu
- Jiżguraw li jkollhom l-ikel kuljum
- Jgħinuhom imorru l-iskola
- Jipprovdu tobba u mediċina meta jkunu morda
Kif tista’ tgħin?
Il-Moviment Missjunarju Ġesù fil-Proxxmu jiddependi mid- donazzjonijiet mingħand nies qalbhom tajba. Il-familji jistgħu jagħtu donazzjoni biex jgħinu tifel jew tifla jmorru l-iskola jew ikollhom ikel għal sena sħiħa. Xi nies saħansitra ‘jadottaw’ tifel billi jgħinu fil-pagamenti għall-edukazzjoni u s-saħħa tiegħu! Żur il-website biex tkun tista’ tgħin.

Anke ġesti żgħar ta’ ġentilezza jistgħu jagħmlu differenza kbira fil-ħajja ta’ xi ħadd!






























