Intervista minn Robert Caruana
It-tellieqa Middle Distance
Il-middle distance hija t-tellieqa tal-ġiri bejn sprint u ġiri fit-tul, kemm bħat-tellieqa tat-800 metru, li tikkonsisti minn żewġ dawriet mal-korsa, kif ukoll dik tal-1,500 metru. F’dan l-isport ma jirbaħx min jasal l-ewwel biss imma min jaf iqassam l-enerġija, jibda b’pass tajjeb, iżomm ritmu u mbagħad jagħti l-aħħar spinta lejn it-tmiem tat-tellieqa. Huwa sport li jgħaqqad is-saħħa, in-nifs, il-konċentrazzjoni u t-tattika. Trid tkun b’saħħtek, imma wkoll tagħraf meta jkun hemm bżonn iżżid il-veloċità, meta żżomm ir-ritmu u kif tikkonċentra anke meta tibda tegħja.
Żewġ dawriet, storja waħda
Intervista ma’ Nathan Myers “Atleta tas-sena 2025” (U23 Middle Distance)

“Jekk tibda tgħaġġel wisq, tispiċċa bla enerġija; jekk tibda bil-mod wisq, ma tilħaqx. Ir-ritmu t-tajjeb jagħmel differenza!”
Xi wħud jaħsbu li l-ġiri hu “sempliċiment tiġri”. Imma fil-middle distance, speċjalment fis-600 m, kollox hu ppjanat, timxi mar-ritmu u tagħmel kuraġġ. F’din l-intervista Nathan Myers jgħidilna x’jagħmel atleta ta’ veru, minn kif jitħarreġ għal kif iżomm moħħu kalm qabel jibda… u x’parir jagħti lil min jixtieq jibda jiġri.
Nathan, għaliex għażilt il-middle distance u mhux l-isprint jew il-long distance?
Nagħmel kemm l-isprint u kemm il-middle distance, però l-middle distance hija sabiħa għax għandek bżonn tkun veloċi u b’endurance tajba.
Meta tkun qed tiġri s-600 m x’inhi l-iktar ħaġa li tgħinek, saqajk, in-nifs jew il-konċentrazzjoni? Għaliex?
Għalkemm kollha huma importanti, personalment nemmen li l-konċentrazzjoni l-iktar importanti, għax tgħinek tkun motivat għat-tellieqa.
X’inhu r-“ritmu” għal atleta? Kif titgħallmu?
Ir-ritmu huwa li tiġri b’pass addattat għat-tellieqa u għall-atleta, u li tipprova żżommu kostanti tul it-tellieqa kollha. Kull atleta jitgħallem isib ir-ritmu tiegħu gradwalment bit-training.
X’tagħmel fil-jum tat-tellieqa? Ikel, warm up, mużika, rutina…
Niekol xi 3 sigħat qabel ma nibda l-warm up (ikla carbs heavy). Warm up tajjeb nibdieh siegħa u kwart qabel it-tellieqa. Waqt il-warm up nisma’ l-mużika biex iddaħħalni fl-ispirtu tat-tellieqa.
Is-600 m magħrufa bħala tellieqa “diffiċli”. Liema hu l-aktar mument iebes?
L-iktar mument iebes hu meta tasal għall-aħħar 200 m tat-tellieqa għax dak il-ħin il-ġisem ikun diġà għajjien u trid tkompli tagħfas biex iżżomm il-pass sal-aħħar.
Kif tittratta l-eċitament qabel tibda tellieqa? Għandek xi trick maġiku?
Le, le, nipprova nżomm kalm kemm nista’ u niffoka fuq dak li għandi nagħmel.
Xi tfisser it-“tattika” f’tellieqa?
It-“tattika” f’tellieqa tfisser il-mod kif atleta jippjana u jqassam l-enerġija, il-pass u l-pożizzjoni tiegħu matul it-tellieqa biex jikseb l-aħjar riżultat possibbli.
Kif tibbilanċja bejn l-iskola, il-ħajja u t-taħriġ? X’inhi l-akbar l-isfida?
Mhux faċli llaħħaq imma nipprova nqassam il-ħin. L-ikbar sfida hija waqt l-eżamijiet, għax barra l-istudju xorta waħda nibqa’ mmur għat-training. L-isport u l-istudju ntihom l-istess prijorità.
X’jagħmel atleta tajjeb barra mill-korsa? L-irqad, id-dixxiplina, l-ikel, il-ħbieb…
Dixxiplina fl-ikel, torqod kemm suppost, u ma tixrobx alkoħol għax inaqqas il-prestazzjoni u jtellef fit-tkabbir tal-muskoli u jaffettwa ħażin l-enerġija u l-konċentrazzjoni.
X’parir tagħti lil dawk li jridu jibdew din id-dixxiplina imma jħossu li mhumiex preparati fiżikament?
Importanti li tibda bil-mod u bir-ritmu tiegħek. Jekk titfa’ moħħok hemm tasal.
Nathan, inti akkwistajt it-titlu “Athlete of the Year”; issa xi jmiss? X’inhuma l-aspirazzjonijiet tiegħek għall-futur?
Nixtieq nieħu sehem aktar f’kompetizzjonijiet internazzjonali.
Isem: Nathan MYERS
Nazzjonalità: Maltija
Sena tat-twelid: 2005
Età: 20
Kategorija: U23
Klabb: Rush Athletics Club
Dixxiplina: 400 m, 600 m (u 400 m indoor/short track)
Personal Bests:
400 m: 49.94 (15 Mar 2025, il-Marsa)
600 m: 1.23.00 (25 Jan 2025, il-Marsa)
800 m: 1:57.71 (02 Aww 2025, il-Marsa)
400 m ST: 51.23 (17 Jan 2026, Lee Valley – Londra)
Riżultat notevoli: 800 m 1:57.71 fl-Athletics Malta Summer meet 3 (il-Marsa, 02 Aww 2025)
Rikonoxximent: Athlete of the Year – U23 Middle Distance (fl-istaġun 2025)
Profil uffiċjali: World Athletics, Nathan MYERS worldathletics.org































