
Dawn il-paġni huma miġjuba lilkom mid-Dipartiment tal-Malti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni.
Ottubru: xahar sinonimu mal-Poeta Nazzjonali tagħna, Dun Karm Psaila

Ritratt: Frank Vincentz / Wikimedia Commons (CC BY-SA 3.0) — immodifikat
Karmenu Psaila kien tifel bħal tfal oħra. Twieled fit-18 t’Ottubru tal-1871 f’Ħaż-Żebbuġ. Missieru, Filippu, kien baħri u kien ibaħħar ta’ spiss. Fil-fatt it-tfajjel Karmenu qatta’ tfulitu m’ommu, Lunzjata. Trabba fl-ambjent tal-kampanja Żebbuġija, fejn tgħallem iħobb l-annimali, ir-raba’ u n-natura. Ta’ seba’ snin beda l-iskola u kien jieħu gost jilgħab logħba ballun ma’ sħabu. Ta’ erbatax-il sena, Karmenu daħal is-Seminarju Minuri fil-Furjana. L-għaqal u l-valuri li għaddietlu ommu Lunzjata għenu biex Karmenu jagħżel li jidħol qassis. Sentejn wara beda l-istudji tiegħu fis-Seminarju Maġġuri. Ftit wara, meta kellu biss wieħed u għoxrin sena, miet missieru u fid-dwejjaq tiegħu nġabar fit-talb u kompla bl-istudji tiegħu.
“Dun Karm kien magħruf għall-karattru ċajtier tiegħu…“
Fis-sena 1894 Karmenu Psaila laħaq qassis flimkien ma’ sħabu s-seminaristi fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Fis-Seminarju Dun Karm kien jaqra ħafna kotba bit-Taljan u fil-fatt kiteb bosta versi bit-Taljan. Dun Karm ħareġ l-ewwel ġabra ta’ poeżiji meta kellu ħamsa u għoxrin sena. Fis-Seminarju Dun Karm għallem l-Ingliż, l-Aritmetika u l-Ġografija. Dun Karm kien magħruf għall-karattru ċajtier tiegħu u ta’ spiss kien jinżel jilgħab il-ballun mal-istudenti tas-Seminarju. Kien magħruf ukoll li jdoqq il-mandolina u ġieli ġabar xi studenti biex idoqqu xi biċċa mużika flimkien. Anke f’dan iż-żmien sab ħin biex jikteb il-poeżiji. Sa dan iż-żmien kien għadu jikteb bit-Taljan, lingwa li kien jaf juża tajjeb. Meta kellu tmienja u għoxrin sena mietet ommu. Din kienet telfa kbira wisq għal Dun Karm, li minn dejjem kien qrib t’ommu.
L-ewwel poeżija bil-Malti li kiteb Dun Karm jisimha Quddiem Xbieha tal-Madonna. Din inkitbet fl-1921. Dun Karm baqa’ jikteb bil-Malti biex juri kemm kien kburi li hu Malti u kemm seta’ jesprimi ruħu tajjeb bih. L-imħabba li kellu għal ommu spiss narawha f’ħafna mill-poeżiji li kiteb. Il-poeżiji tiegħu kienu jesprimu wkoll l-imħabba li kellu lejn in-natura u l-ambjent fejn trabba. Dun Karm kiteb anke fuq il-qerda ambjentali, tfulitu, il-Madonna, l-annimali, Malta, Alla u l-fidi Nisranija.
Dun Karm qatta’ ħajtu mdawwar bil-kotba. Ħadem għal għoxrin sena bħala librar fil-Bibljoteka Nazzjonali, il-Belt. Jibqa’ mfakkar għall-Innu Malti, l-innu nazzjonali tagħna. Kienet is-sena 1921, meta tabib Malti li kien jinsab l-Ingilterra ntalab ikanta l-innu ta’ pajjiżu. It-tabib kien jismu Robert Samut. Dan għaraf li pajjiżu għad m’għandux innu nazzjonali u billi kien iħobb il-mużika malajr kiteb in-noti mużikali tal-Innu Malti. L-innu tant intgħoġob mid-Direttur tal-Edukazzjoni li sab lil Dun Karm u talbu jikteb il-kliem għalih. Dun Karm ħaseb mhux ftit dwar xiex għandu jikteb u fl-aħħar ħass li għandu jikteb l-innu nazzjonali bħala talba lil Alla għal Malta. L-Innu Malti ndaqq l-ewwel darba fit-Teatru Manoel inqas minn sena wara u sar l-innu nazzjonali fl-1964 meta Malta saret pajjiż indipendenti.
Dun Karm miet fit-13 t’Ottubru tal-1961, ħamest ijiem qabel għalaq disgħin sena. Dan il-personaġġ daqshekk importanti ħadem ħafna favur il-Malti u dejjem saħaq li bħala Maltin għandna ngħożżu lsien art twelidna. Ħallielna poeżiji mill-isbaħ u bis-saħħa tiegħu wrejna lid-dinja li għalkemm aħna żgħar għandna l-lingwa tagħna. Dun Karm Psaila jibqa’ għal dejjem magħruf bħala l-poeta nazzjonali tagħna.

Attivitajiet li jagħtu l-ġieħ mistħoqq lil Dun Karm
Għalhekk ma jistax jasal Ottubru u fl-iskejjel tagħna ma niċċelebrawx lill-poeta nazzjonali ta’ pajjiżna.
Waqt assembly speċjali li organizza d-Dipartiment tal-Malti tal-iskola medja Ta’ Paris ingħatat tislima xierqa lil dan il-ġgant letterarju. Xi studenti qraw fatti u kurżitajiet interessanti fuqu u wara sar kwiżż qasir. Iżjed minn hekk, intwera filmat bijografiku u spiċċajna bil-qari ta’ waħda mill-isbaħ poeżiji tiegħu, Lil Malta.






























