Ikellimna Joseph Xerri tat-Travellers
Kull min isegwi l-mużika lokali żgur li sab ruħu jkanta u jiżfen mal-kanzunetta bil-lingwa Maltija. Il-lirika naqbduha mill-ewwel u ma nistgħux ma nammirawx il-kunfidenza tal-mużiċisti li qed iwasslulna melodiji sbieħ u tal-widna. Iżda qatt waqafna nistaqsu dwar dal-vjaġġ li grupp ta’ mużiċisti għaddew minnu biex waslu s’hawn u qed joffru spettaklu ta’ divertiment?
Kelli x-xorti li nitkellem ma’ Joseph Xerri, it-trumbettier tal-grupp popolari The Travellers. Bla dubju l-kanzunetti ta’ dan il-grupp smajniehom u rajna wkoll il-filmati abbinati mal-kanzunetti tagħhom f’bosta oqsma tal-midja. U nintebħu bis-sintonija li tgħaqqad lil dawn il-mużiċisti, li kollha jagħtu s-sehem speċjali biex joħorġu b’suċċess wara l-ieħor. Minn dejjem kont kurjuża dwar l-istrumenti li jintużaw fil-mużika pop, l-aktar it-trumbetta. F’moħħi malajr ġie Joseph. It-trumbetta hija strument li jispikka, ferrieħi u forsi jfakkarni f’xi trumbetta takkumpanja film tal-cartoons ta’ tfuliti meta xi wieħed mill-karattri mqarbin jagħmel praspura. B’mod ieħor it-trumbetta takkumpanja kanzunetta u toffri l-melodija. Joseph, bil-paċenzja kollha, spjegali l-impenn li wieħed jgħaddi minnu biex jitgħallem l-istrument.
It-trumbetta hija meqjusa bħala strument tar-ram. L-oriġini tagħha bdiet fl-antik meta kienu jdoqqu l-fanfarri. Kienet tintuża fi żmien ta’ gwerra waqt li s-suldati jimmarċjaw u fil-palazzi rjali. Għaddew is-snin sakemm bdejna naraw jew aħjar nisimgħu t-trumbetta f’xi orkestra.
Imma x’ħajru biex jitgħallem it-trumbetta lil Joseph? Bħala tifel kien jammira lill-papà tiegħu, li kien idoqq it-trumbetta. Joseph u ħuh iżgħar minnu wkoll imxew fuq il-passi ta’ missierhom. Ma damux ma bdew jitgħallmu l-istrument mas-Soċjetà Filarmonika Victory (A.D.1898) tax-Xagħra. Hemm sfond ta’ tradizzjoni u kultura f’dan it-tagħlim mal-baned, li naħseb ħalla marka fuq Joseph li jdoqq b’passjoni l-istrument. Madankollu jrid ikun hemm l-impenn ukoll. Joseph stqarr miegħi li mhux kollox kien ħafif għall-bidu. Dejjem tiltaqa’ ma’ tlugħ u nżul. Ibda biex, trid tistudja u tipprattika. Ilkoll nafu li kultant ma tantx ikollna aptit nistudjaw, ngħaddu xi partitura meta nippreferu mmorru nilagħbu logħba. Imma bil-perseveranza naslu. Joseph beda jitgħallem it-trumbetta ta’ ħdax-il sena. U fi żmien sena kien ħareġ idoqq mal-banda tal-post. Kompla jirfina u jissoda l-ħiliet tiegħu ta’ trumbettier billi ħa lezzjonijiet oħrajn. Iżda l-mod kif idoqq issa mat-Travellers huwa għalkollox differenti milli ddoqq ma’ banda. Hawnhekk Joseph huwa solist. Spjegali kif f’band kull individwu huwa solist u sehem kulħadd huwa importanti għall-band.
It-Travellers idoqqu ġeneru ta’ mużika li nsejħulu pop. It-trumbetta ta’ Joseph toffri akkumpanjament bil-melodija. Naturalment hemm strumenti oħrajn fil-band li jagħmlu dan ix-xogħol, bħas-saxophone. Kont kurjuża dwar il-ħoss li nisimgħu meta tindaqq kanzunetta. Hemm aktar xogħol li jsir fi studjow biex diska toħroġ b’aktar ħsejjes interessanti. B’użu għaqli tat-teknoloġija jistgħu jiżdiedu aktar ħsejjes jew strumenti. Stajt nifhem li fil-band isir ħafna xogħol biex toħroġ biċċa mużika tal-widna, li tolqot il-ġenerazzjonijiet b’mod differenti.
It-trumbetta fi żmien ta’ gwerra!
Fil-gwerra kienet tindaqq biex tagħti sinjal ta’ twissija, ta’ attakk u ta’ meta s-suldati kellhom jirtiraw.
Joseph jieħu ħsieb il-marketing u l-immaġni tal-band. Huwa importanti kif tidher fuq il-palk, dak li nafuh aktar bħala band image. Bla dubju l-band image tat-Travellers huwa ta’ livell għoli.
Imma x’jagħmel Joseph fil-ħajja ta’ kuljum, minbarra li jdoqq ma’ grupp popolari? Joseph huwa digital artist. Nistħajjilkom tgħidu, “Mhux ta’ b’xejn, mela, il-filmati tagħhom huma daqstant divertenti!” Fost il-ħafna kurżitajiet staqsejtu kemm kien idum jipprattika jew kemm idum jipprattika mal-band qabel ma joħorġu jdoqqu quddiem udjenza. Joseph stqarr miegħi li sa sitt snin ilu kien jipprattika mat-tliet sigħat kuljum. Forsi naqqas xi ftit maż-żmien. Ilu tlieta u għoxrin sena jdoqq l-istrument, allura nistgħu nimmaġinaw li għandu biżżejjed prattika. Madankollu Joseph xtaq jgħaddi l-messaġġ li wieħed għandu dejjem jibqa’ jistudja u jisma’ l-mużika. Iħobb jisma’ s-sound tracks u l-favoriti tiegħu huma l-klassiċi. Togħġbu l-mużika ta’ Hans Zimmer u John Williams. Ġieli wkoll emozzjona ruħu meta ntilef jisma’ l-melodija. Bejnietna, naħseb li anke aħna nemozzjonaw ruħna meta narawh idoqq it-trumbetta daqstant bil-qalb mat-Travellers! L-armonija bejn il-membri tal-grupp hija waħda li tinħass u flimkien joħolqu espressjoni artistika tal-ġenn.
Imma kemm jipprattikaw flimkien dawn it-Travellers? Joseph qalli li għall-bidu kienu jipprattikaw anke erba’ sigħat. Jiffokaw l-aktar fuq il-kitba tal-mużika u t-talenti tagħhom jimxu f’armonija. Kull membru tal-grupp huwa individwu u artist. Daqstant ieħor jikkumplimentaw lil xulxin meta joħorġu bi proġett ġdid.
Tafu li f’qabar antik Eġizzjan instabu żewġ trumbetti?
Il-qabar huwa tal-Faragħun Tutankamun. Tgħid x’kellu x’jambihom wara li miet?
Tlabt lil Joseph x’parir jista’ jgħaddi lil dawk li jixtiequ jitgħallmu t-trumbetta.
“Importanti li wieħed jibda żgħir u jekk il-ġenituri jaraw il-potenzjal fi wliedhom għandhom iħeġġuhom. Huwa strument li jeħtieġ taħriġ fiżiku. Anke l-mod ta’ kif tieħu n-nifs. In-nifs għandu jittieħed mid-dijaframma, jiġifieri miż-żaqq. Meta wieħed jistudja t-trumbetta qed iħaddem l-iżgħar muskoli li għandu l-bniedem, dawk ta’ madwar ix-xoffa. It-tagħlim huwa proċess u hemm bżonn li wieħed jitħarreġ fil-klassiku. Forsi li nipprattikaw siegħa u nofs narawhom ftit twal, imma pass pass tinbena l-istamina. Joseph jisħaq li wieħed m’għandux jaqta’ qalbu u l-aktar messaġġ importanti li xtaq jgħaddi huwa dak tal-paċenzja!”

F’orkestra jintużaw bejn żewġ trumbetti u erbgħa.
Dawn joffru melodija kif ukoll iżommu ritmu.
Qbilt ma’ Joseph meta qalli li kulħadd jitwieled kreattiv u kulħadd għandu xi talent.
Iżda talent trid tieħu ħsiebu.
Joseph huwa eżempju ta’ dan. Għaraf it-talent tiegħu, b’impenn u dedikazzjoni biex iwasslilna mużika mill-isbaħ. U aħna qed nieħdu gost indoqquha, niżfnu mar-ritmu u nieħdu gost, mhux biċ-ċajt!






























