minn Melvin Farrugia
Jekk qed tippjana li xi darba tmur fuq xi vjaġġ lejn l-ispazju kun ċert li taħsibha sew! Tajjeb tkun taf li mhux talli hu proċess diffiċli iżda anke jista’ jħallilek effetti mhux daqstant sbieħ fuq saħħtek.
L-ewwel nett hemm fuq il-livell ta’ radjazzjoni hu ħafna ogħla minn dak fuq id-dinja. Allura tista’ tkun espost għal possibiltajiet ikbar ta’ mard terminali u mard tal-qalb. Barra minn hekk, fuq pjaneti bħal Mars il-gravità hi differenti minn dik tad-dinja, li jikkawża tfixkil fl-orjentazzjoni, diffikultajiet fil-koordinazzjoni tal-movimenti u nuqqas ta’ bilanċ. F’dawn iċ-ċirkostanzi mingħajr il-gravità tad-dinja l-għadam jitlef mid-densità, il-muskoli jitilfu mill-massa tagħhom u l-ispina tad-dahar tista’ titwal.
Peress li l-ġisem ikun imdendel fl-arja l-likwidi fil-ġisem ukoll iġibu ruħhom differenti, billi tiżdied il-pressjoni fuq l-għajnejn u anke tiżdied il-possibbiltà ta’ attakki tal-ġebla.
Minħabba dan kollu l-istudji l-ħin kollu għaddejjin, fosthom minn aġenziji bħan-NASA, li jaraw kif qabel ma jintbagħtu l-astronawti fl-ispazju jtejbulhom il-kundizzjonijiet li jgħixu fihom hemm fuq. Fl-istess waqt, meta jirritornaw jieħdu ħsieb jerġgħu jagħtuhom riabilitazzjoni kif suppost.






























