minn Melvin Farrugia
Immaġina kieku kellek tqum għada filgħodu u tiskopri li tista’ ttir! Imma żomm… mhux inti biss. Il-bnedmin kollha jistgħu jtiru. Kif se jinbidlu l-affarijiet minn kif nafuhom illum?
Hemm ċans kbir li nbiddlu l-mod kif nivvjaġġaw. Daqshekk ikollna bżonn nirkbu tal-linja jew il-vann biex naslu l-iskola. Jaf tkun tajba biex nevitaw it-traffiku u forsi nqumu ftit iktar tard jekk inkunu nistgħu ntiru għall-iskola.
Iżda b’dawk in-nies kollha fl-ajru aktarx li jkollna bżonn xi speċi ta’ direzzjonijiet minn fejn nistgħu ngħaddu biex ma naħbtux ma’ xulxin. Barra minn hekk, minflok il-bibien ta’ barra wisq probabbli jibda jkollna bżonn il-bieb tal-bejt minn fejn nidħlu.
Xi regoli jkollhom jiġu stabbiliti għax mingħajr regoli jaf ikollna l-kaos. Fost l-oħrajn, kemm tista’ ttir fl-għoli, b’kemm veloċità u x’għandek tagħmel jekk ikun hemm xi inċident. Forsi anke jkun hemm xi servizz li jgħallmek ittir aħjar.
Fuq kollox, ikollna bżonn idejn jew ġwienaħ aktar b’saħħithom, għadam iktar ħafif u muskoli li kapaċi jagħtuna dik il-qadfa biex intiru.
Bidla bħal din jaf ma tinżilx tajjeb mal-għasafar, li jkollhom inqas spazju fejn itiru. Annimali oħra jaf jibżgħu kif jarawna ntiru. Min-naħa l-oħra jaf tkun opportunità biex napprezzaw iktar id-dinja li ngħixu fiha hekk kif narawha minn perspettiva differenti.






























