Intervista minn Robert Caruana

Peter Magro huwa illustratur u edukatur tal-arti, kif ukoll involut direttament fil-Graphic Novels Library Malta (GNLM), NGO li taħdem biex tippromwovi l-qari u l-litteriżmu permezz tal-komiks u l-graphic novels, u biex aktar titli jaslu fil-libreriji pubbliċi. Il-GNLM kienet ukoll wara inizjattivi bħad-donazzjonijiet tal-graphic novels lil-Librerija Pubblika Ċentrali, il-Furjana, u kollaborazzjonijiet ma’ Malta Libraries għal korsijiet u attivitajiet relatati mal-komiks.
“Il-komiks darba kienu meqjusa bħala forma ta’ qari sempliċi. Illum jistgħu faċilment ikunu ċ-ċavetta biex terġa’ tqajjem il-litteriżmu u l-imħabba għall-qari.”
Komik ta’ Peter Magro

Għal min ma jafx: x’inhi Pop Culture?
Il-Pop Culture hija tgawdija kollettiva ta’ ġeneri popolari jew mainstream li toħloq gruppi ta’ fandom (guppi ta’ nies li jħobbu ħafna l-istess ħaġa u jgawduha flimkien) f’soċjetà.
Għaliex taħseb li l-komiks huma importanti, speċjalment għal min jgħid, “Ma nħobbx naqra”?
Il-komiks huma estremament importanti għax jagħmlu l-qari aktar faċli u aktar pjaċevoli, minħabba li huma attraenti viżwalment meta tikkomparahom ma’ paġni mimlijin kitba. It-test qasir u ċar flimkien mal-istampi jgħinuk tifhem mill-ewwel. Għalhekk jgħinuk, jiġbdulek l-attenzjoni u jibnulek il-kunfidenza. Ħafna drabi jkunu l-punt li jwasslek bil-mod il-mod biex tibda taqra aktar, anke kotba itwal.
Xi tgħid lil min għadu jaħseb li “l-komiks mhumiex qari veru”?
Ngħidlu li l-komiks huma qari veru daqs kull ktieb ieħor, għax fihom storja, lingwa, struttura u ħsieb bħal letteratura oħra. Id-differenza hi li jużaw ukoll il-viżiv biex jgħinu lill-qarrej jifhem aħjar. Fil-fatt ħafna edukaturi jużaw il-komiks biex itejbu l-litteriżmu, il-fehim u l-imħabba lejn il-qari, għax meta t-tfal jieħdu gost ikunu qed jitgħallmu. Il-komiks huma simili ħafna ta’ film iżda b’xeni u pannelli statiċi.
Kif jgħinu l-komiks biex it-tfal itejbu l-vokabularju, l-istorytelling u l-immaġinazzjoni? (X’inhu l-vantaġġ ta’ test + stampi flimkien?)
Il-komiks jgħinu għax it-tfal jaraw il-kliem u l-azzjoni flimkien: l-istampi jagħtuhom il-kuntest biex jifhmu kliem ġdid, u bil-mod il-mod jibdew jużawh huma wkoll. Fl-istess ħin jitgħallmu l-istorytelling – kif tibda storja, kif tinbena t-tensjoni, kif karattru jinbidel, u kif tispiċċa – għax il-pannelli juruhom pass pass. U l-immaġinazzjoni tikber għax bejn panel u ieħor it-tifel “jimla hu” x’ġara, jiġifieri moħħu jkun qed joħloq u mhux sempliċiment jara. Vantaġġ kbir tat-test u l-istampi flimkien hu li jagħmlu l-qari aktar ċar, aktar interessanti u aktar faċli biex tiftakar.
X’inhi d-differenza bejn komik, graphic novel u manga?
Komik normalment ikun storja maqsuma f’pannelli u joħroġ f’paġni jew episodji qosra, ħafna drabi b’ħarġiet regolari. Graphic novel hi bħal “ktieb” komik – storja itwal u aktar kompluta f’volum wieħed, kultant b’tema aktar profonda jew narrativa aktar mifruxa. Il-manga hija l-istil Ġappuniż tal-komiks: tinqara ħafna drabi mil-lemin għax-xellug, b’estetika u ritmu partikolari u ġeneri għal kull età, mhux biss għat-tfal.
Jekk student ta’ 11-14-il sena jiġi għandek u jgħidlek, “Liema komik nista’ nibda bih?” x’parir tagħtih biex jagħżel l-ewwel wieħed?
Ngħidlu jibda b’xi ħaġa li taqbel mal-gosti tiegħu. Jekk iħobb l-azzjoni jagħżel avventura; jekk iħobb id-daħk jagħżel komiks umoristiċi; u jekk iħobb il-misteri jew il-gaming hemm komiks għal dawk ukoll. L-importanti hu li jagħżel storja li tħajru. Aħjar jibda b’komiks qosra u faċli, u meta jinduna li jkun qed jieħu gost waħdu jibda jfittex aktar.
X’taħseb dwar il-pubblikazzjonijiet tal-komiks/graphic novels bil-lingwa Maltija li diġà jeżistu?
Naħseb li l-pubblikazzjonijiet bil-Malti għall-komiks u l-graphic novels huma importanti ħafna, u nixtieq nara stejjer oriġinali fi kwalunkwe ġeneru. Dak li nixtieq nara verament huwa karattri oriġinali li nistgħu nżommu magħhom u nirrelataw magħhom! Hemm spazju kbir għal aktar komiks Maltin, speċjalment jekk irridu nispiraw aktar ġenerazzjonijiet ta’ qarrejja u kittieba fil-ġeneru.
Wieħed irid jifhem li l-produzzjoni tal-komiks kull xahar mhijiex faċli, speċjalment li f’Malta m’għandniex impjiegi full-time li jippermettu lill-artisti jipproduċu l-komiks fuq bażi regolari. Biex ma nsemmux li pubblikatur tal-komiks ikollu jimpjega kittieba, artisti, koloristi u edituri sempliċiment biex jagħmel il-proċess aktar mgħaġġel. Fir-rigward tal-lingwa Maltija huwa importanti li l-lingwa tinżamm ħajja permezz ta’ stejjer Maltin, iżda l-istess komik għandu jiġi pprovdut b’lingwi oħra biex nesportaw il-prodott tagħna barra minn Malta.
X’inhi l-ħolma l-kbira tal-GNLM illum, aktar kollezzjonijiet fil-libreriji, librerija fiżika, workshops… jew kollha flimkien?
Il-ħolma l-kbira tal-GNLM illum hi kollettiva u ambizzjuża, u ma nixtieqx nagħżel punt wieħed biss. Nixtieq li naraw aktar kollezzjonijiet ta’ komiks u graphic novels fil-libreriji lokali sabiex it-tfal u ż-żgħażagħ ikollhom aċċess faċli u kontinwu u post jew librerija fiżika għall-komiks/graphic novels fejn in-nies ikunu jistgħu jiġbru, jaqraw u jiddiskutu. U fl-istess ħin aktar workshops u attivitajiet kreattivi biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jitgħallmu jiktbu u jiddevertu flimkien bil-komiks.
Kif taħdmu ma’ Malta Libraries u x’tip ta’ korsijiet/attivitajiet tagħmlu għat-tfal u ż-żgħażagħ?
Il-korsijiet tagħna ġeneralment jiġu offruti fis-sajf. Xi wħud saru għal udjenzi iżgħar u oħrajn saru wkoll għall-adulti. Il-ħolqien tal-komiks innifsu huwa multidixxiplinari, u għalhekk il-kors ġeneralment jieħu madwar 9 sessjonijiet u jiġi mgħallem minn prattikanti differenti skont is-settijiet ta’ ħiliet differenti fil-ħolqien tal-komiks.
Ladarba jitlesta l-kors ġeneralment niġbru x-xogħol magħmul mill-istudenti u nippubblikawh bħala antoloġija tal-komiks fil-Librerija Pubblika Ċentrali u mbagħad niddistribwuh f’fergħat differenti tal-libreriji f’Malta.
Dan kollu biex ninkoraġġixxu lill-kreaturi żgħażagħ biex ma jibżgħux joħorġu x-xogħol meraviljuż tagħhom fil-pubbliku.
Fl-aħħar, kif jista’ qarrej żgħir jappoġġja lill-GNLM jew lil Malta Libraries anke jekk ma jistax jixtri kotba?
Id-donazzjonijiet huma dejjem milqugħa! Iżda bis-serjetà kollha, aħna dejjem miftuħa għall-voluntiera, speċjalment nies li verament iħobbu l-komiks u jixtiequ jħallu marka fix-xena tal-komiks Maltija, mhux biss għall-preżent iżda wkoll għall-futur tar-rakkont viżwali Malti.






























