Kollox beda s-Sibt waranofsinhar. Hekk kif it-temp kien imsaħħab u x-xita tqattar, Max kien bilqiegħda fil-kamra tiegħu, ipinġi karattri, draguni u artijiet fantastiċi. Max ma basarx li dawk it-tpinġijiet kienu se jwassluh għal avventura li qatt ma kien se jinsa.
Max kellu passjoni għat-tpinġija, imma llum kien qed iħoss li hemm xi ħaġa differenti. Ma’ kull linja li kien qed jimmarka bil-lapes il-karattri fuq il-paġna dehru qed jieħdu l-ħajja. F’daqqa waħda dawl isfar ħafif dar mal-isketchbook. Il-paġni tal-ktieb bdew jinqelbu waħidhom b’mod selvaġġ u d-dawl li kien ħiereġ minnu sar pjuttost b’saħħtu. Max inħasad u telaq il-ktieb minn idu.
Riħ maġiku ġibed lil Max għal ġol-isketchbook.
Max għadda minn ġo skali ta’ kuluri u taħżiż tal-lapes, u spiċċa go tpinġija ta’ foresta misterjuża mimlija kreaturi u karattri ħajjin. Kien dak kollu li Max qatt pinġa! Il-post kien jismu Artopja, l-isem li kien kiteb fuq il-qoxra tal-isketchbook. Kienet bħal ħolma. Iżda kien hemm problema waħda: taħżiża ta’ figura skura mingħajr fattizzi li kien pinġa Max biex ibeżża’ lil sħabu bih beda jżelliġlu kollox. It-tpinġijiet ta’ Max bdew jisparixxu, id-dettalji tagħhom kienu qed jisfaxxaw fix-xejn. Lil dil-figura Mark semmieha Biża’.
“Max, trid issalva lil Artopja!” qallu żiemel abjad jismu Luna li Max kien pinġa ftit jiem qabel. “Inti biss, l-illustratur, tista’ tegħleb lil Biża’!” Qalb Max bdiet tħabbat sitta sitta. “Jien? Imma kif?” staqsa Max.
“Uża t-talent tiegħek, pinġi!” ħeġġu Luna. B’kuraġġ kbir Max qabad lapes minn ġol-but u pinġa griffin itir, u f’leħħa ta’ berqa l-kreatura ħadet il-ħajja, lesta għall-isfida. Max tela’ fuq dahru u tar lejn il-forti mudlam ta’ Biża’.
Bil-griffin itir u jisserrep Max b’ħeffa kbira beda jerġa’ jpinġi bil-lapes fejn kien imżelleġ. Biża’ kompla jżelleġ kull linja li jagħmel Max. Iżda Max b’ħeffa kbira pinġa armata ta’ kavallieri, draguni u żwiemel biex jipproteġu lil Artopja minn Biża’. Fl-aħħar, b’linja waħda finali, pinġa gomma kbira li ħassret ras Biża’ u Max pinġa wiċċ ta’ tfajla gustuża flokha.
Biża’ ħa karattru ġdid li Max mal-kreaturi l-oħra kollha tawha isem ġdid ta’ Prinċipessa Selen, id-dinja ta’ Artopja reġgħet ħadet il-ħajja, u Max kompla jpinġi u għamilha isbaħ minn qatt qabel.
Il-Prinċipessa Selen resqet bil-mod lejn Max u tatu bewsa fuq wiċċu. F’dak il-mument Max sab ruħu lura fil-kamra tiegħu, iżomm lapes ileqq.
Il-maltempata barra kienet għaddiet. Minn dakinhar ‘il quddiem Max kien jaf li t-tpinġijiet tiegħu setgħu jagħmlu ħafna aktar milli jimlew il-paġni: setgħu joħolqu dinjiet sħaħ.
U dik, ħbieb tiegħi, hi l-istorja ta’ kif issir illustratur veru. Billi temmen fl-arti tiegħek, tkun kuraġġuż, taffaċċja l-isfidi, u qatt ma tieqaf tagħmel dak li tħobb, timmaġina u toħloq.
Min jaf? Forsi d-dinja li jmiss li ssalva tkun tiegħek stess!






























