Maltapost

Fl-1962 l-aħwa Taljani Angela u Luciana Giussani biddlu għalkollox il-letteratura popolari Taljana meta ħolqu lil Diabolik, antieroj tal-komiks totalment differenti minn dawk li l-qarrejja kienu mdorrijin jaqraw dwarhom. Kien ippubblikat mill-kumpanija tagħhom stess, Astorina.

Kienet Angela Giussani li ħolmot l-ewwel b’komik żgħir u kompatt li min jivvjaġġa seta’ jġorru miegħu faċilment u jgawdih fi triqtu. Oħtha Luciana dlonk ingħaqdet magħha, u flimkien bnew wieħed mill-aktar legati magħrufa fil-pubblikazzjoni fl-Italja. Astorina saret sinonima ma’ Diabolik, u aċċertat li jibqa’ ħaj u jkollu suċċess tul għexieren ta’ snin ta’ bidliet kulturali.


Fiċ-ċentru tas-saga nsibu lil Diabolik. Jidher dejjem liebes libsa sewda nkaxxata u maskra, u jsuq karozza sportiva Jaguar E-type. L-aktar avversarju persistenti tiegħu hu l-Ispettur Ginko, ditektiv li ma jinxtara b’xejn u li l-integrità morali tiegħu tagħmlu l-kontraparti perfetta. Il-kunflitt tagħhom qishom “qattus u ġurdien” baqa’ element li jiddefinixxi s-serje.


Fl-1963 l-istorja kisbet dimensjoni ġdida essenzjali bl-introduzzjoni ta’ Eva Kant. Għall-ewwel din kienet maħsuba bħala avversarja, iżda malajr inbidlet f’sieħba leali ta’ Diabolik. Eva ppreżentat ruħha bħala intelliġenti, indipendenti u ndaqs mal-kontraparti maskili tagħha.


Il-MaltaPost, f’kollaborazzjoni ma’ Astorina u l-Wicked Pop Culture Event, qed toħroġ minjatura speċjali ta’ Diabolik li tikkonsisti f’bolla maħluqa minn Riccardo Nunziati, l-artist attwali tas-serje tal-komiks Diabolik. Il-minjatura turi postijiet u simboli storiċi Maltin – il-Forti Manoel kif jidher mill-baħar, il-kampnar tal-Pro-Katidral Anglikan ta’ San Pawl fil-Belt Valletta, bieb Barokk mill-isbaħ, gallariji tradizzjonali tal-injam tipikament Maltin, u l-għajn ta’ Osiris fuq ħajt tas-sejjieħ. L-istampa tal-bolla fil-minjatura turi tpinġija ta’ Diabolik u Eva Kant f’xena ta’ mħabba.


Sal-lum il-ġurnata Diabolik baqa’ ikona kulturali. B’eluf ta’ ħarġiet u diversi adattamenti għall-film u t-televiżjoni s-serje tibqa’ tixhed l-ispirtu kuraġġuż ta’ dawk li ħolquha. Iktar minn sittin sena wara Diabolik u Eva Kant jibqgħu eternament simboli tal-misteru.

Comic Art in Malta 2025 Maltapost, Diabolik