X’aktarx li kulħadd ra xi stampa ta’ astronawta liebes ilbies abjad kemxejn goff. Jew xi immaġni ta’ nies iduru donnhom itiru ġo vettura spazjali.

Imma tafu min kienu l-ewwel astronawti?

Kienu propju ħbiebna l-annimali li telgħu fl-ispazju. Sa mill-bidu li l-bniedem beda jesplora x’hemm barra d-dinja tagħna ħass il-bżonn li jkun jaf x’effett għandha l-gravità fuq forma ta’ ħajja bħal tagħna. Il-gravità hija dik li żżommna weqfin fuq saqajna. Xtaq jistudja wkoll l-effetti tat-tul tal-vjaġġ fl-ispazju fuq dawn il-ħajjiet. Għalhekk beda jħarreġ lill-annimali biex ikun jista’ jibgħathom ġo vettura spazjali.

Uħud minn dawn l-annimali saru famużi, bħax-xadin Ham, li ntbagħat fl-ispazju mill-aġenzija spazjali NASA. Ham reġa’ lura fid-dinja qawwi u sħiħ u għex ħajja twila.

Annimali oħra ma kinux daqstant ixxurtjati. Il-kelba Laika ttellgħet fl-ispazju mill-Unjoni Sovjetika bħala esperiment. Iżda Laika għexet għal sebat ijiem biss. Laika kienet meqjusa bħala eroj u r-ritratt tagħha deher spiss fil-ġurnali.

Maż-żmien ittellgħu wkoll ġrieden, żrinġijiet, fkieren, brimb u anke ħut. Bis-saħħa tagħhom il-bniedem sar jaf aktar dwar l-effetti tar-radjazzjoni fuq l-għadam u s-saħħa ta’ ħlejjaq ħajjin fl-ispazju.

Imma tafu liema kienu l-ewwel annimali li telgħu fl-ispazju? Dawn kienu żgħar ħafna ħafna. Ma naħsibx li ġiet iddisinjata libsa tal-astronawti għalihom. Kienu proprju dubbien, jew fruit flies. Dawk huma! Id-dubbien iż-żgħir li joqgħod fuq il-fruttiera mimlija frott speċjalment meta tibda s-sħana. U dan x’fettillu l-bniedem jibgħat id-dubbiena fl-ispazju?

Skont ix-xjenza hemm ħafna vantaġġi li tibgħat lil dan l-insett fl-ispazju. Ma jiswewx ħafna flus u għaldaqstant jistgħu jintbagħtu ħafna minnhom. Barra minn hekk dan l-insett għandu ħaġa komuni mal-bniedem. Is-sistema immunitarja tiegħu, jiġifieri l-mod kif il-ġisem jiġġieled lill-mard, tixbah ħafna lil tal-bniedem.

Ix-xjentisti osservaw li astronawta fl-ispazju jista’ jimrad aktar malajr u jdum ma jfiq għax ma jkunx jiflaħ jiġġieled lill-mard. Ngħidu li s-sistema immunitarja tal-astronawta tkun baxxa. L-istess jiġri lilna wara li jaqbadna riħ papali: inkunu xi ftit għajjenin u jaf ma niġux l-ewwel f’xi tellieqa.

Numru kbir minn dad-dubbien intbagħat fl-ispazju fl-1947. L-insetti vvjaġġaw għal 109 km. Meta l-kapsula tagħhom reġgħet lura lejn id-dinja nstabu kollha ħajjin. Ix-xjentisti malajr bdew jistudjawhom. Osservaw li r-radjazzjoni li jkun hemm fl-ispazju ma kellhiex effett ħażin fuq saħħithom.

Dan kien pass importanti għall-għarfien tal-bniedem dwar l-ispazju u l-bidu ta’ vjaġġ interessanti għall-annimali astronawti.