Intervista esklużiva ma’
Keith Demicoli
Keith, kif bdejt il-karriera tiegħek bħala ġurnalist?
Keith Demicoli: Bdejt ninteressa ruħi sew fil-ġurnaliżmu fl-età ta’ 12-il sena, meta kont irrealizzajt kif bil-ġurnaliżmu tista’ tassew tbiddel l-affarijiet. Fuq insistenza t’ommi kont ktibt ittra qasira f’gazzetta bil-Malti biex tiġi stallata telephone box qrib knisja żgħira fil-Kalkara, fejn jien kont abbati. Niftakar li ommi kienet titlobni nċemplilha kif nasal bil-mixi minn Ħaż-Żabbar sal-Kalkara u peress li dak iż-żmien ma kellniex mowbajls, b’telephone box stajt inċemplilha u ngħidilha li wasalt. B’sorpriża kbira, tliet ġimgħat wara l-ittra twaħħlet it-telephone box li jien tant xtaqt. Minn hemm bqajt nikteb regolarment fuq dak li nosserva madwari. Qatt ma ħsibt li nista’ nsir ġurnalist tal-aħbarijiet għaliex il-ħolma tiegħi kienet li nsir kummentatur tal-futbol! Kont inqatta’ sigħat sħaħ nirrekordja kummentarji spontanji fuq voice recorder, li għalija kien ħa post il-ġugarelli. Meta kbirt, studjajt u ggradwajt bħala speċjalista fl-IT, u aktar tard komplejt l-istudji tiegħi fl-Affarijiet Ewropej fl-Università ta’ Malta.
Int kont preżentatur popolari tal-aħbarijiet f’Malta. Kif kienet il-ħajja tiegħek fuq it-televiżjoni kuljum?
Keith: Kienet mimlija daqs bajda! Kull ġurnata kienet differenti u dak x’aktarx li jagħmel dan ix-xogħol daqstant eċitanti. Ix-xogħol tiegħi kien jinvolvi li filgħodu jien u l-ġurnalisti sħabi niddiskutu u nippjanaw l-istejjer li kull ġurnalist kien se jaħdem fuqhom għall-bullettin ewlieni tal-aħbarijiet tat-8pm, li kont nippreżenta regolarment sakemm spiċċajt fl-2021. Kien hemm ġranet meta kelli nqum kmieni ħafna biex nipprepara l-aħbarijiet u ġranet oħra meta bqajt tard ħafna. Fl-aħbarijiet trid tiżgura li kull kelma li tgħid hija korretta u tgħidha b’mod li tinftiehem.
Xi drabi kont tħossok nervuż qabel tidher fuq it-televiżjoni?
Keith: Iva, speċjalment meta bdejt. Niftakar li darba minnhom kont eċitat iktar mis-soltu u kelli nieqaf naqra l-aħbarijiet għal perjodu qasir sakemm erġajt ksibt il-fiduċja fija nnifsi. Tgħallimt li meta tipprepara sew, tħossok aktar kunfidenti u tippreżenta aħjar. Kultant, jekk tagħmel żball, trid tiskuża ruħek u tibqa’ sejjer għax waqt xandira diretta fuq it-televiżjoni jew ir-radju ma tistax tagħfas “pause” jew “rewind”.
Tiftakar xi ġrajja speċjali jew episodju umoristiku waqt il-karriera tiegħek?
Keith: Darba kont qed nagħmel xandira diretta waqt li l-pulizija kienu qed jarrestaw raġel. Kont taħt siġra u f’waqt minnhom nara xi ħaġa kannella fuq il-qmis! Kienet ħamiema li għoġobha tagħmel toilet fuqi! Mument speċjali kien meta intervistajt tfal ta’ madwar 10 snin dwar il-ħolm tagħhom għall-futur. Ħadt gost ħafna nismagħhom jgħidu li jridu jagħmlu xi ħaġa biex nipproteġu l-ambjent.
Ġieli kellek tirrapporta dwar xi ħaġa importanti jew serja ħafna?
Keith: Iva, ħafna drabi. Bħala ġurnalist kelli nirrapporta dwar elezzjonijiet, inċidenti fatali, attakki terroristiċi, maltempati kbar u ġrajjiet storiċi għal Malta, l-Ewropa u d-dinja. F’dawk il-mumenti kien importanti li nitkellem b’mod ċar u nippreżenta l-informazzjoni b’responsabbiltà kbira.
X’parir tagħti lil tfal li jixtiequ jsiru ġurnalisti?
Keith: Kunu kurjużi ħafna! Ġurnalist dejjem jistaqsi ħafna mistoqsijiet biex ikun jaf il-fatti u l-verità. Aħdem biex ittejjeb il-kitba tiegħek, isma’ lin-nies b’attenzjoni kbira u qatt tibża’ tistaqsi. Tista’ tibda billi żżomm notebook ċkejken u ikteb dwar affarijiet interessanti li tosserva madwarek.
Li kieku kellek iċ-ċans tirrapporta dwar ġrajja storika, liema tkun?
Keith: Kemm hi mistoqsija tajba! Naħseb li kieku nagħżel il-perjodu tat-Tieni Gwerra Dinjija, meta Malta kienet l-aktar ibbumbardjata fid-dinja. Kien mument diffiċli ferm għall-Maltin u kont nipprova nirrapporta l-isfidi enormi li kienu qed jgħixu, fosthom il-ġuħ.
X’inhu l-aktar fatt interessanti li tgħallimt waqt il-karriera tiegħek?
Keith Demicoli: Tgħallimt li kull persuna għandha storja x’tirrakkonta. Kull intervista hija opportunità biex tagħti vuċi lil xi ħadd u tagħmel differenza. Hu importanti li tisma’ b’empatija.
Grazzi, Keith! Tgħallimna ħafna dwar il-ġurnaliżmu!
Keith: Grazzi lilkom ukoll! Ftakru dejjem li l-aktar ħaġa importanti hija li tibqgħu kurjużi, tistaqsu u tieqfu qatt titgħallmu.






























