Intervista minn Rita Saliba
Naomi Gatt hija disinjatriċi u illustratriċi Maltija. Studjat il-B. Communications u l-Psikoloġija u ilha taħdem fid-disinn grafiku mill-2010.
Fl-aħħar snin iffokat fuq l-illustrazzjoni ta’ kotba għat-tfal u ppubblikat tliet kotba. Tħobb tagħti l-ħajja lill-istejjer permezz ta’ kuluri vivaċi, ħafna dettall u disinji ħelwin. Naomi tispira ruħha mil-logħob tal-kompjuter, mit-tpinġijiet tat-tifla tagħha ta’ erba’ snin, u minn Toby, il-kelb tagħha li jżommilha kumpanija waqt li taħdem. Naomi temmen ħafna fil-kreattività u tħobb toħloq xogħlijiet artistiċi li jqanqlu l-immaġinazzjoni fit-tfal. L-illustrazzjonijiet tagħha huma sempliċi u divertenti, bil-għan li jagħmlu l-istejjer aktar attraenti u ta’ gost għaż-żgħar.
Meta kont żgħira kont tħobb tpinġi? X’kienet l-ewwel tpinġija li tiftakar li għamilt?
Minn dejjem kont inħobb inpinġi. Fil-Milied jew f’għeluq snini l-ġenituri tiegħi kienu ta’ spiss jixtruli materjal biex inpinġi jew xi kitt ta’ krafts biex nippruvah – u ta’ dan jien nibqa’ grata għall-inkoraġġiment tagħhom. Ma niftakarx xi tpinġija partikolari, imma niftakarni npinġi u nikteb stejjer ċkejknin fuq biċċiet tal-karti meta kont għadni żgħira ħafna. X’aktarx li rmejthom, sfortunatament, għaliex ma rġajt sibthom qatt. Inħares lura lejn xi tpinġijiet li kont nagħmel, nirrealizza li minn dejjem kont miġbuda lejn il-cartoons.


Liema parti tat-tpinġija tħobb l-aktar, il-kuluri, il-forom jew l-istejjer li toħloq?
L-aktar parti favorita meta npinġi hija xħin nibda nagħti l-kulur lill-istampa. Jien u naħdem fuq ktieb nibda billi naqra l-istorja u noħloq sketches tal-kunċetti, li ngħaddihom lill-awtur biex japprovahom. Meta dawn ikunu approvati nkun nista’ nibda nieħu gost noħloq l-illustrazzjonijiet. Dik hija l-fażi meta niffoka aktar fuq il-kuluri, nirfina l-istil tal-karattri u nara l-istampa finali tieħu l-ħajja.
Minn fejn tiġik l-idea biex toħloq karattri daqshekk sbieħ u mimlijin ħajja?
Meta nkun qed naħdem fuq kotba tat-tfal ħafna drabi nkun ispirata mill-istorja nnifisha. Kultant tkun dik is-sentenza speċifika jew mument li jixpruna idea għall-istil, u s-sentiment jibqa’ għaddej tul il-bqija tal-illustrazzjonijiet. L-ispirazzjoni tiġi wkoll mill-ħajja ta’ kuljum. Nista’ nispira ruħi jien u nara t-televixin, mill-viżwal ta’ xi logħba, jew sempliċiment billi nosserva n-nies u l-oġġetti madwari, u f’daqqa waħda tolqotni xi ħaġa li naħseb li tidħol perfettament f’illustrazzjoni.


Jiġri xi kultant li karattru jibda b’idea waħda u jispiċċa jidher kompletament differenti meta tispiċċah?
Ħafna drabi. Meta nkun qed naħdem fuq karattru jew xena ta’ spiss nagħmel l-aġġustamenti u nżid xi elementi, jien u nispira ruħi hekk kif l-illustrazzjoni tibda tieħu l-ħajja. Għalhekk, malli nibda naħdem fuq ktieb, nibgħat l-isketches tal-kunċetti lill-awtur u illustrazzjoni waħda finalizatta, li speċjalment tkun turi l-karattru prinċipali. Dan jgħin lill-awtur ikollu idea ċara tal-istil u t-ton tal-ktieb sa mill-bidu nett.
Hemm xi annimal jew karattru li tħobb tpinġi l-aktar? Għaliex?
Nieħu gost inpinġi l-fjuri, il-weraq u doodles żgħar li ta’ spiss indaħħalhom bħala disinji li jikkumplimentaw l-illustrazzjonijiet. Madankollu s-suġġetti favoriti tiegħi huma n-nies u l-annimali, għax nieħu gost naħdem fuq l-espressjonijiet, speċjalment meta jkunu esaġerati u mimlijin ħajja.
Kemm tieħu żmien biex toħloq paġna waħda illustrata għal ktieb tat-tfal?
Jiddependi mill-istil u l-livell ta’ dettall involut. Ħdimt fuq illustrazzjonijiet li ħaduli minn sagħtejn sa għaxar sigħat biex jitlestew. Ġeneralment il-ħin biex inlesti illustrazzjoni jvarja, imma bejn wieħed u ieħor xi mkien fin-nofs.
Jiġri xi kultant li karattru jibda b’idea waħda u jispiċċa jidher kompletament differenti meta tispiċċah?
Ħafna drabi. Meta nkun qed naħdem fuq karattru jew xena ta’ spiss nagħmel l-aġġustamenti u nżid xi elementi, jien u nispira ruħi hekk kif l-illustrazzjoni tibda tieħu l-ħajja. Għalhekk, malli nibda naħdem fuq ktieb, nibgħat l-isketches tal-kunċetti lill-awtur u illustrazzjoni waħda finalizatta, li speċjalment tkun turi l-karattru prinċipali. Dan jgħin lill-awtur ikollu idea ċara tal-istil u t-ton tal-ktieb sa mill-bidu nett.

X’għodod tuża biex toħloq l-illustrazzjonijiet tiegħek, kuluri, lapes, tablet jew taħlita ta’ kollox?
Fil-passat kont naħdem bil-lapsijiet tal-kulur; aktar tard kont inħobb il-watercolours. Iżda f’dawn l-aħħar għaxar snin sirt naħdem l-aktar b’mezzi diġitali. Peress li l-kotba tat-tfal jirrikjedu high-quality resolution għall-print, inserraħ rasi li l-kwalità tal-istampar se tkun waħda ċara kemm jista’ jkun possibbli. Nillustra l-aktar permezz tat-tablet, u l-programm li nuża huwa Procreate. Jogħġobni għax għalkemm huwa diġitali xorta nista’ npinġi b’mod li jixbah l-istil tal-lapes jew noħloq ċerti textures li ssibhom iktar f’mezzi tradizzjonali – speċjalment peress li nħobb inżid elementi żgħar u doodles fl-illustrazzjonijiet tiegħi. U fuq kollox jogħġobni l-fatt li nista’ nġorr it-tablet miegħi kullimkien u npinġi kull fejn tinbixni l-ispirazzjoni!
X’messaġġ tixtieq tgħaddi lit-tfal dwar l-ilwien li naraw madwarna, kemm fil-kotba kif ukoll fl-ambjent fejn ngħixu?
Kunu ispirati! L-aktar ħaġa li tagħti gost waqt li tkun qed tpinġi hija li tista’ tħalli l-immaġinazzjoni tiġri bik. Ispira ruħek mill-ilwien tan-natura madwarna, iżda tillimitax ruħek b’dak li tara biss. Ħu gost billi tħallat il-kuluri u tipprova ideat ġodda, anke jekk is-suġġett ma jeżistix fil-ħajja tagħna ta’ kuljum b’dak il-kulur. Iljunfant roża? Sħab f’kull kulur tal-qawsalla? Għala le? Tillimitax ruħek. L-illustrazzjoni tgħinek toħloq dinja speċjali tiegħek; mela ħu gost bil-proċess u ħalli l-immaġinazzjoni tmexxik.






























