L-alfabett Malti huwa l-uniku wieħed li juża l-ħ u l-ittra kbira ekwivalenti tagħha: Ħ. Filwaqt li l-ittra ċ/Ċ kienet użata storikament fl-Irlandiż, din l-ittra m’għadhiex tintuża fl-ortografija moderna ta’ din il-lingwa, u allura l-ittra ċ/Ċ ukoll insibuha biss fl-ortografija Maltija.
Il-Malti huwa l-unika lingwa Semitika li tinkiteb uffiċjalment bl-alfabett Latin – jiġifieri dan l-alfabett li qed taqra bih issa stess.
Il-Malti hija lingwa b’sistema ħajja u hija meqjusa bħala l-lingwa omm jew il-lingwa materna – jiġifieri dik il-lingwa ewlenija li tkun ġejt espost għaliha saħansitra sa mill-ġuf – tal-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi, kif ukoll ta’ ħafna oħrajn li jgħixu lil hinn minn xtutna.
Għalkemm il-Malti ilu ħafna mitkellem u użat mill-popolazzjoni ta’ dawn il-gżejjer li ġew maħkuma minn ġnus u imperi differenti, dan sar lingwa uffiċjali tal-pajjiż fl-1934. Bis-saħħa ta’ dan, il-Malti seta’ jibda jintuża fil-Qrati, fost l-oħrajn, u filwaqt li ħa post it-Taljan, ingħata status uffiċjali flimkien mal-lingwa Ingliża.
Il-Malti jagħmel parti mill-familja tal-lingwi li jsejħulhom “Semitiċi”, però, fil-verità, għandu ħafna kliem u elementi oħrajn fil-binja tiegħu li maż-żmien ġew minn żewġ sorsi ewlenin oħrajn, u dawn huma: 1) lingwi Rumanzi, bħalma huma l-Isqalli, it-Taljan u l-Franċiż, u 2) l-Ingliż (li jifforma parti mill-familja Ġermanika).
Għandna verżjoni Maltija li minflok ma hija mitħaddta u miktuba hija primarjament issenjalata, u din hija l-Lingwa tas-Sinjali Maltija (LSM). Din il-lingwa hija lingwa b’sistema għaliha, u hija l-lingwa omm ta’ ħafna nies Deaf (persuni neqsin mis-smigħ) Maltin. Din bdiet titqies bħala t-tielet lingwa uffiċjali tal-pajjiż fl-2016.
Il-Malti huwa l-uniku lsien nazzjonali ta’ pajjiżna – jiġifieri l-unika lingwa li tintrabat direttament mal-istorja u l-kultura tal-poplu tal-gżejjer Maltin u Għawdxin. Dan allura jfisser li meta dak li jkun jagħżel li jħaddem din il-lingwa, jiġifieri jużaha, mela din tkun qed tagħtih identità unika – l-istess bħalma tagħti lil nies oħrajn li jgħixu hawn magħna, li trabbew hawn, u lil dawk kollha li jiġu minnhom, anke jekk ma jkunux għadhom jgħixu hawn, jew qatt ma jkunu rifsu fuq dawn il-gżejjer, iżda xorta jgħożżu u jużaw il-Malti fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.































