Illum li ssir ġurnalist ifisser aktar minn sempliċement tikteb rapport. It-teknoloġija moderna, l-internet, il-midja soċjali u l-vidjografija bidlu kif niġbru u nwasslu l-aħbarijiet. Ġurnalist tajjeb għandu jkun kurjuż, jistaqsi l-mistoqsijiet u juża l-għodod diġitali biex jikteb, jirrekordja u jxandar l-istejjer b’mod effettiv.
F’din it-taqsima se nispjegaw il-passi ewlenin biex tibda l-vjaġġ tiegħek fid-dinja tal-ġurnaliżmu!
Kif tagħmel intervista
Is-suġġett – l-online scams
L-online scams mhux dejjem ikunu f’forma ta’ virus jew inkella s-serq tal-password. Ħafna drabi l-mira tkun il-flus: biex tħallas “miżata żgħira”, tibgħat “depożitu” jew inkella taqsam id-dettalji tal-karta tal-kreditu. Ġurnalist tajjeb meta jisma’ għajdut, inkella jara messaġġ, post jew xi breaking news, ma jaqbadx u jxandru minnufih. L-ewwel ħaġa għandu jfittex li jiġbor il-fatti, jivverifikahom ma’ iktar minn sors wieħed u wara li jintervista lis-sorsi kollha mbagħad jikteb storja ċara biex jgħin lill-oħrajn ma jaqgħux fin-nassa.
Kif issir l-intervista minn ġurnalist?
Il-ġurnaliżmu serju jitlob li twassal informazzjoni vera, bilanċjata u utli. Meta l-istorja tkun dwar scam ta’ flus l-għan hu li tistaqsi:
- X’qed jiġri eżatt? (fatti)
- Kif qegħdin jippruvaw jieħdu l-flus? (metodu)
- X’ġiegħlek tissuspetta? (sinjali)
- X’għandu jagħmel wieħed biex ikun sikur? (parir)
Importanti: Ġurnalist qatt ma jippubblika dettalji privati (eż. il-PIN, xi one-time password, numri tat-telefown jew usernames).
Eżempju ta’ scam ta’ flus – messaġġ fittizju:
“Prosit! Irbaħt voucher ta’ €100. Biex tiġbru ħallas €2 shipping fee hawn: CLICK HERE”
- Huwa “premju” imma jridu l-ħlas biex jinġabar
- Link stramba, mhux website uffiċjali
- Is-sens ta’ urġenza (“illum biss”; “baqa’ 10 minuti”)
- Ma jsemmix ismek u ma jagħtikx prova ċara
Għaliex hu suspettuż?
(Scam ukoll komuni: “Agħti depożitu biex inżommulek dan il-prodott” imbagħad jisparixxu.)
L-għodod tal-ġurnalist
(meta scam ikun dwar il-flus)
Il-kurżità
Dejjem staqsi “X’ġara?”; “X’riedu?”; “X’għamlu?”; “Min?” u “Kif?”
Ħu nota tal-evidenza
Tista’ tikkwota l-kliem imma ma tikklikkjax links, u aħbi kull dettall privat.
Ivverifika
Iċċekkja minn sorsi uffiċjali differenti (il-website/app uffiċjali) jew staqsi lil xi adult. Ġurnalist ma jżommx biss fuq “Għax kitbuli” iżda jindaga u jirriċerka fil-fond.
Ir-rispett
Jekk xi ħadd kważi waqa’ vittma, ifhem u ikteb biex ħaddieħor jitgħallem. Dejjem uri empatija ma’ min għadda minn dawn l-affarijiet.
Qabel l-intervista
X’inhu l-għan?
- Nifhmu kif ippruvaw jieħdu l-flus u x’għamlet il-persuna biex tevita.
- Lil min se tintervista?
- Persuna li rċeviet il-messaġġ (xhud/evidenza)
- Adult/għalliem (parir, esperjenza)
- Persuna li tifhem fil-flus/online safety (espert fil-qasam tas-sigurtà, tagħrif)
Ikteb 8 mistoqsijiet qosra.
Waqt l-intervista
(mistoqsijiet dwar scams ta’ flus)
- Fejn irċivejt il-messaġġ? Għamlu kuntatt dirett miegħek? (SMS, social media, chat app, email?)
- X’wegħduk? Jew heddewk? (Premju, skont, qalulek li se jingħalaqlek il-kont bankarju, eċċ.)
- X’riduk tagħmel? (Tħallas miżata? Tibgħat depożitu? Tidħol bil-username u l-password tal-bank?)
- Kemm talbuk tħallas? (Anke €2 tista’ tkun scam.)
- Kif ħassejtek dak il-ħin? (Urġenza? Paniku? Biża’?)
- X’qajjimlek suspett? (il-link, l-urġenza, it-talba għal xi dettalji)
- X’għamilt biex tivverifika? (Staqsejt adult? Ftaħt il-website uffiċjali? Ċempilt?)
- X’parir tagħti lil min jirċievi messaġġ bħal dan biex jevita li jaqa’ f’din in-nasba?
- Tinsiex tirringrazzja lil min tintervista u tinfurmah fejn se tippubblika l-intervista. (rivista, online, gazzetta, eċċ.)
Xi jmiss?
(Il-mossa tal-ġurnalist):
- “F’liema parti ndunajt li kien hemm xi ħaġa ħażina?”
- “X’kont se tagħmel kieku ma staqsejt lil ħadd?”
Wara l-intervista
(Ibni l-istorja)
- Iċċekkja l-fatti: app/ġurnata/x’riedu/jekk kienx hemm link.
- Agħżel 2 quotes qosra (mingħajr dettalji privati).
- Agħlaq b’pariri dwar is-sigurtà diġitali, bħal: “Qatt tħallas biex ‘tirbaħ’”; “Qatt tagħti l-password” u “Uża biss sorsi uffiċjali.”
Mudell ta’ aħbar
Titlu: “Scam online – int mitlub tħallas miżata żgħira biex tirbaħ voucher”
Introduzzjoni (sentenza waħda):
Eż. Xi żgħażagħ irċivew messaġġ li wegħedhom voucher iżda talabhom iħallsu miżata biex “jirbħuh”.
L-aħbar (3 punti):
- X’qal il-messaġġ u għaliex kien suspettuż (urġenza + link stramba + ħlas).
- X’għamlu biex jivverifikaw (adult + website uffiċjali).
- X’tgħallimna (Qatt tħallas biex tirbaħ; qatt taqsam dettalji tal-karta ta’ kreditu).
Bonus – Ikteb: headline (6-8 kelmiet); quote (qanqal interess), ritratt u caption (turi eżempju).
Konklużjoni:
Meta tara “premju” li jitlob ħlas, ieqaf u vverifika. Scammer irid il-flus tiegħek, mhux jagħtik rigal.
Oqgħod attent mill-iscam: Il-BOV qatt ma jitlob flus jew dettalji ta’ sigurtà permezz
tat-telefown, SMS jew email. Injora telefonati u links suspettużi u, jekk ikollok dubju, ikkuntattjana direttament fuq 2131 2020. Ibqa’ sikur!

Maħruġ mill-Bank of Valletta p.l.c., 58, Triq San Żakkarija, il-Belt Valletta VLT 1130. Il-Bank of Valletta p.l.c. hija kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata regolata mill-MFSA, liċenzjata biex toffri l-kummerċ bankarju f’termini tal-Att dwar il-Kummerċ Bankarju (Kap. 371 tal-Liġijiet ta’ Malta).






























