
Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ktieb, Malta Libraries qed torganizza attività kulturali u edukattiva li se tittella’ nhar il-25 ta’ April 2026, bil-għan li tippromwovi l-qari u ssaħħaħ l-apprezzament lejn il-letteratura fost it-tfal u l-familji.
It-tema magħżula għal din l-attività hija Il-Wizard of Oz, xogħol letterarju klassiku li ġie ppubblikat għall-ewwel darba fl-1900 u li fl-2025 fakkar il-125 anniversarju tiegħu. Din it-tema toffri opportunità ideali biex jiġu esplorati l-valuri tal-immaġinazzjoni, il-kuraġġ u l-ħbiberija permezz tal-qari.
Il-programm tal-ġurnata jinkludi numru ta’ attivitajiet ippjanati apposta, fosthom face painting ispirat mill-karattri ewlenin tal-istorja, kif ukoll qari animat mill-ktieb The Wizard of Oz, sabiex it-tfal ikunu jistgħu jinteraġixxu mal-istorja b’mod kreattiv u parteċipattiv.
Din l-inizjattiva tifforma parti mill-impenn kontinwu ta’ Malta Libraries biex toffri esperjenzi ta’ tagħlim informali u ta’ kwalità fi ħdan il-libreriji pubbliċi.






























