In-Neanderthals minn dejjem qajmu kurżità fil-bniedem. Nistgħu ngħidu li kif dehret l-ewwel immaġini tagħhom maħduma b’xi kompjuter qajmet bosta mistoqsijiet u stagħġib. Imma min kienu tassew dawn in-Neanderthals?

Immaġina raġel li jgħix fl-għerien. Malajr jgħaddilna minn moħħna xi ħadd miksi xagħar b’xi għuda f’idu u b’saħħtu ħafna. Fil-fatt dawn in-Neanderthals kienu jixbhuna ħafna iżda kienu itqal, b’ħafna muskoli u b’saqajn u dirgħajn qosra. Wiċċhom kien aktar tawwali minn tal-bniedem modern, b’par ħuġbejn kbar li joħorġu fuq għajnejhom, imnieħer wiesa’ u b’geddum żgħir jew xejn geddum. Tgħiduli, “Dan qisu xi cartoon!” Tassew, ħafna cartoons inħadmu fuq il-bniedem preistoriku imma l-forma ta’ wiċċhom u ta’ ġisimhom kienet tgħinhom biex jgħixu fil-kesħa. Il-ħuġbejn kemxejn ’il barra kienu jipproteġulhom għajnejhom u l-imnieħer wiesa’ kien jikkontrolla t-temperatura ta’ ġisimhom.

Dan it-tagħrif inġabar mill-fdalijiet tal-għadam ta’ dawn in-nies li ġew ħafna u ħafna snin qabilna. Ma jfissirx li nafu kollox dwarhom. Għall-kuntrarju! Ix-xjenzati għadhom qed isibu informazzjoni ġdida dwarhom.

Riċerka ġdida qed turi li n-Neanderthals kienu jużaw subgħajhom biex iħallu marki jew tpinġijiet fejn kienu jgħixu. Dawn it-tpinġijiet instabu ġo għar f’La Roche-Cotard fi Franza. U kienu saru 57,000 sena ilu! Bil-wisq qabel ma l-bniedem modern wasal f’dawk l-inħawi.

Għar ta' Gargas

Id-disinji huma magħmulin minn ħafna tikek, strixxi u linji. Huma fost l-eqdem disinji li nstabu minn dawn l-umani tal-bidu. X’aktarx li dawn it-tpinġijiet saru bis-swaba’ b’metodu aktar magħruf bħala finger fluting. Permezz tas-swaba’ kienu joborxu fuq il-ġebel tal-għerien. Ninnotaw li dawn in-nies kienu intelliġenti biżżejjed biex jagħżlu ġebel lixx fejn ipinġu. Għadna ma nafux xi jfissru dawn id-disinji. Id-disinji huma mqassmin fi tmien biċċiet mas-saqaf tal-għar. Uħud jidhru mpinġija bis-swaba’ ċatti jew migrufin.




Għalkemm ix-xjenza tatna ħafna informazzjoni u tweġibiet għall-kurżitajiet tagħna, għad baqgħalna ħafna x’niskopru u nitgħallmu dwar dawn in-nies. Iżda żgur kienet skoperta sabiħa li sirna nafu li n-Neanderthals kienu wkoll artisti!

Evolution
Pliopithecus
18-il miljun sena ilu
Australopithecus
3.5 miljun sena ilu
Homo Habilis
2 miljun sena ilu
Homo Erectus
5 mitt elf sena ilu
Homo Neanderthalensis
70 elf sena ilu
Homo Sapiens Sapiens
minn 35 elf sena ilu