Aħna tal-Merlin Publishers tim ċkejken imma b’qalb kbira daqs librerija mimlija kotba! Aħna nemmnu li l-qari jiftaħlek moħħok (mhux litteralment, eh?) u jagħtik ukoll is-superpoter li tkabbar l-immaġinazzjoni u tara d-dinja b’mod differenti. Nippubblikaw kotba cool u interessanti miktubin mill-aqwa awturi Maltin u nġibu wkoll kotba minn madwar id-dinja biex it-tfal Maltin jitgħallmu dwar kulturi differenti u jesperjenzaw avventuri u emozzjonijiet ġodda. Għalina l-Merlini kull ktieb hu vjaġġ uniku u maġiku li jista’ jibdillek ħajtek!

Orkubellu u l-Ħtif ta’ Orkidea
ta’ Fabrizio Silei
Illustrazzjonijiet ta’ Fabrizio Di Baldo

Addattat għall-Malti minn Claudia Gauci

Jekk jogħġbuk l-avventuri strambi u s-sitwazzjonijiet li jġegħluk tidħaq, dan il-ktieb qed jistenniek! Orkidea, nofsha umana u nofsha orka, hija tifla ħelwa, sabiħa u pulita, imma titfewwaq daqs ippopotamu, tiekol daqs erba’ ljuni u tonħor daqs mitejn ors waqt ir-raqda tax-xitwa! Imdejqa bil-fatt li lin-nannu Orkestu kienet tarah darba fis-sena biss, jum wieħed tiddeċiedi li taqbad it-triq u titlaq tfittxu, vjaġġ mimli avventuri perikolużi imma li fih turi kemm hi b’saħħitha u intelliġenti (u xi ftit diżgustanti wkoll!). Il-karattri ta’ dan il-ktieb iħeġġuna biex naċċettaw lilna nfusna kif aħna, u biex qatt ma nippruvaw ninbidlu biex niġu aċċettati.

Żarbun Imsaħħar
Illustrazzjonijiet ta’ Clàudia Mata Serra
ta’ Norman C. Borg
 

Dan ktieb perfett għal dawk li joħolmu li xi darba jsiru leġġenda tal-futbol, jew il-pop star internazzjonali li jmiss, imma jaħsbu li qatt mhuma se jkunu tajbin biżżejjed! David, il-protagonist ta’ dan il-ktieb, jurina li jekk temmen fik innifsek u tagħmel ħiltek, tista’ taqbeż ħafna ostakli enormi. Sakemm kellu ż-żarbun imsaħħar jgħinu David ma kellux problemi u seta’ jilgħab bil-ħeffa u l-preċiżjoni ta’ leġġenda ta’ veru … iżda jaqbdu miegħu xi bullies u ż-żarbun iġibuhulu ċraret! Waslet l-iktar logħba importanti, il-finali, u David jirrealizza li se jkollu jilgħab mingħajr iż-żarbun l-imsaħħar. Issa x’se jagħmel? Tgħid jirnexxilu jibbrilla billi juża l-ħila tiegħu biss? 


Id-dar tal-pubblikazzjoni BDL ilha tippubblika kotba għall-kbar u għat-tfal għal dawn l-aħħar 35 sena. Fost l-għażla kbira ta’ kotba għat-tfal ippubblikati mill-BDL insibu dizzjunarji għall-istudenti tal-primarja, kotba ta’ referenza tal-ortografija u l-grammatika, il-programm tal-qari Sensiela tal-Qari, is-sensiela tal-qari u l-kotba tat-taħriġ ta’ L-Ewwel Kelmiet, is-sensiela estensiva tal-kotba ta’ tisħiħ u reviżjoni Think & Learn, kif ukoll kotba mmirati għal studenti barranin li qed jitgħallmu l-Malti, kemm fil-livell primarju kif ukoll dak sekondarju.

Matul l-aħħar snin BDL ippubblikat numru sabiħ ta’ kotba tal-qari tat-tfal għal-livelli kollha tal-primarja, kif ukoll għall-adolexxenti. Minbarra xogħlijiet oriġinali BDL ippubblikat ukoll traduzzjonijiet ta’ kotba b’varjetà ta’ temi li żgur jolqtu l-gosti ta’ kulħadd. Minbarra l-kotba BDL hija magħrufa għall-ħolqien ta’ logħbiet bil-Malti għal kull età u fl-aħħar snin ipproduċiet aktar minn 20 logħba differenti. 

Il-Papà tiegħi Bravissimu imma Differenti
ta’ Evan Chetcuti  

Dan il-ktieb se jlaqqagħkom ma’ Stella, tifla ċkejkna li flimkien ma’ missierha tgħaddi minn esperjenza li permezz tagħha titgħallem diversi valuri importanti fil-ħajja, fosthom l-inklużjoni, l-imħabba u li kulħadd huwa speċjali minkejja li jista’ jkun differenti. 

Barra minn hekk, se tindunaw kemm huwa importanti li tħaddmu t-talenti sbieħ li għandkom. Dan ir-rakkont ħelu u oriġinali żgur li se tieħdu gost taqrawh, kemm minħabba l-istorja ħelwa tiegħu kif ukoll minħabba l-istampi sbieħ li jsawruh. 

Is-Seħer tal-Prinċipessa Aurora
ta’ Janet Mallia 

Dan il-ktieb huwa parti minn sensiela ta’ tliet kotba. L-istejjer f’din is-sensiela se joħdukom f’renji fantastiċi u jlaqqgħukom ma’ rejiet, prinċipessi u palazzi mill-isbaħ. Dawn il-kitbet jirrakkontaw ġrajjiet ħelwin mimlijin sorpriżi, immaġinazzjoni u seħer, li żgur se tieħdu gost taqrawhom u jnisslulkom tbissima. 

Il-Prinċipessa Aurora ma kinitx mill-ħelwin… tfajla mfissda, egoista u pretenzjuża, u moħħha biss biex tidher. Iżda s-seħer tal-kokka Kyla ġegħelha taħrab mill-Palazz Kostanzo għal ġol-masġar… sakemm iltaqgħet ma’ Raffael…