Servizz Pubbliku Logo

Qatt smajt bis-Servizz Pubbliku?

Forsi tinstema’ kelma kkumplikata, imma żgur li f’ħajtek kellek diversi esperjenzi li jinvolvu s-Servizz Pubbliku. Jekk taħseb ftit tirrealizza li ħajtek iddur mal-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku minn meta tkun għadek lanqas biss twelidt.

Kif kont għadek f’ġuf il-mamà, il-mamà kienet tmur l-isptar biex jiċċekkjaw li int qed tikber sew f’żaqqha u kienu jisimgħu qalbek ukoll! Meta wasalt biex titwieled sibt ħaddiema tas-Servizz Pubbliku li għenuk titwieled b’saħħtek. Dawn huma t-tobba, in-nurses u l-ħaddiema kollha fiċ-ċentri tas-saħħa. Imbagħad il-ġenituri tiegħek marru f’uffiċċju biex jirreġistrawk biex issir ċittadin Malti.

Xi ngħidu issa li bdejt l-iskola, kemm qed iduru miegħek ħaddiema tas-Servizz Pubbliku! Mhux biss l-għalliema u l-LSEs li jkunu fil-klassi, imma anke dawk li jagħmlu xogħol ieħor, bħall-purtinara, l-iskrivani u ma ninsewx is-surmast! Hekk kif tispiċċaw mill-iskola probabbli se ssibu pulizija, li jiżgura li intom toħorġu mill-iskola bla inċidenti.

Imbagħad għall-attivitajiet ta’ wara l-iskola, bħal pereżempju għalliema tal-isports inkella għalliema tal-arti.

Imbagħad hemm ħafna ħaddiema oħra li jaħdmu biex jieħdu ħsieb pajjiżna, inaddfuh u jikkurawh kemm għalina kif ukoll għat-turisti li jżuruna.

U jekk il-mamà jew il-papà ħaduk iżżur xi mużew, jew xi tempji Neolitiċi, f’dawn ukoll issib il-gwidi, li jagħmlu parti mis-Servizz Pubbliku, kif ukoll il-kuraturi li jieħdu ħsieb dawn il-mużewijiet.

Żgur li spjegawlkom li f’każ t’emerġenza għandkom iċċemplu 112 u malajr tara ġejja l-ambulanza bit-tobba u n-nurses, il-fire engine tas-CPD bil-pumpiera; f’każ ta’ inċident fuq il-baħar jew fl-għoli jkun hemm bżonn ukoll is-suldati tal-armata biex jiġu bil-ħelikopter jew bid-dgħajsa… Dawn in-nies li jistgħu jsalvawlek ħajtek kollha huma parti mis-Servizz Pubbliku!

Min jaf kemm-il bandli dort u lgħabt fih! Dak ukoll aktarx pjanawh periti u project managers li jaħdmu ġod-dipartimenti, bħal pereżempju dak tax-Xogħlijiet Pubbliċi, li wkoll jagħmel parti mis-Servizz Pubbliku!

Issa li qrajt dan kollu naħseb irrealizzajt kemm hu importanti s-Servizz Pubbliku! Int li għadek ċkejken tajjeb li tapprezza kull persuna li tagħmel parti mis-Servizz Pubbliku. Kieku ma kienx għal dawn in-nies li semmejna u ħafna aktar ħajjitna tkun ferm differenti!

Min jaf… forsi la tikber inti wkoll tagħżel xogħol mas-Servizz Pubbliku!