
Fi ħdan l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, li ilha taħdem qatigħ sa mill-2014, jeżistu diversi programmi edukattivi, bil-għan li jrawmu l-bilingwiżmu fost it-tfal sa minn età bikrija.
Fost dawn il-programmi nsibu ‘Bil-Ħila Tagħkom’, li jixpruna l-ħila tat-tfal fit-tagħlim filwaqt li jħeġġeġ lill-edukaturi sabiex joħolqu riżorsi interattivi u attraenti bil-Malti u bl-Ingliż, f’kollaborazzjoni mad-djar tal-pubblikazzjoni lokali.
Dawn ir-riżorsi jitqassmu b’xejn fl-iskejjel u jinkludu kotba kbar, kotba tal-qari, leħħiet, kartelluni, kotba diġitali, applikazzjonijiet għat-tablets, logħob edukattiv, CDs u animazzjonijiet viżivi. Ir-riżorsi stampati jitqassmu lill-edukaturi tas-snin bikrin, tal-primarja u tal-iskejjel medji u sekondarji, waqt li l-animazzjonijiet viżivi jittellgħu fuq il-mezzi soċjali tal-Aġenzija, fosthom l-istazzjon tal-YouTube. Permezz tal-kitba, l-istampi u r-riżorsi awdjoviżivi, it-tfal jistgħu jaqraw, jaraw u jisimgħu, u minn dan kollu jkunu kapaċi jixtarru s-sinjali murija għat-titjib fil-kompetenza lingwistika, kemm fil-Malti kif ukoll fl-Ingliż.

Is-sena li għaddiet, fl-2024, rajna żieda sostanzjali fil-ħolqien tar-riżorsi, kemm dawk stampati kif ukoll diġitali, ta’ ġeneri u temi differenti. Ir-riżorsi msemmija jkunu mmirati għal tfal ta’ sena partikolari fl-iskejjel, it-tielet sena tal-Primarja. Fost dawn il-kotba, immirati għat-tfal tat-tielet sena tal-Primarja, insibu Is-Sur Geġweġ Jagħmel Waħda Tinkiteb, parti mis-serje tal-istejjer tas-Sur Geġweġ miktubin minn Daniela Callus, b’illustrazzjonijiet ta’ Sue Flask u ppubblikati mill-BDL. Din l-istorja ddur madwar il-protagonista, is-Sur Geġweġ, anzjan twajjeb u grazzjuż, li kien dara jieħu ħsieb il-ġnien kbir tal-familja Williams. Inħeġġeġ lit-tfal biex jiftħu l-ktieb u jaqraw din l-istorja tassew sabiħa u li tqanqal il-kurżità.
Ktieb ieħor, li żgur jinżel tajjeb mat-tfal tat-tielet sena tal-Primarja, hu Ir-Rima Ġġib Tbissima, ġabra ta’ poeżiji miktubin minn Sylvana Vassallo, b’illustrazzjonijiet ta’ Kathleen Flask u ppubblikat minn Gutenberg Press. Dan il-ktieb jinkorpora seba’ taqbiliet u kull taqbila għandha tema partikolari, u mżewqa bir-rima mbewsa, sabiex jinħoloq ritmu sabiħ għat-temi ttrattati.
Bis-saħħa tal-kelma u l-kuluri vivaċi tal-istampi nistgħu nħeġġu aktar lit-tfal biex jitgħallmu u jtejbu l-ħiliet fil-qari u fis-smigħ għat-tisħiħ tal-ħiliet tagħhom fil-lingwa Maltija.
































