Fondazzjoni Sagħtar Logo

Il-Maltin kollha jafu x’inhi r-rivista Sagħtar. Ħafna jistennewha bil-ħerqa fl-iskejjel, waqt li oħrajn jirċevuha bil-posta d-dar. Is-Sagħtar ikun fih minn kollox – litteralment maħżen ta’ divertiment u informazzjoni.

Imma kif beda s-Sagħtar?
Min ħareġ bl-idea tiegħu?

Sagħtar 390

Irridu nqisu l-kuntest ta’ meta beda. Fl-1970 il-Moviment Qawmien Letterarju beda kampanja nazzjonali biex irawwem sens ta’ identità nazzjonali fil-Maltin, bit-titlu “Kampanja Lsien Malti”. Sfortunatament il-Malti kien għadu mhux mogħti ġieħ u rispett biżżejjed. F’ħarġa 50 (Ottubru-Novembru 1977), fl-artiklu tiegħu “Sagħtar mill-1971 ’l hawn”, Oliver Friggieri jgħid li riedu jċaqalqu l-affarijiet, għax il-Malti ma kienx meqjus tajjeb biżżejjed “għall-użu dinjituż u uffiċjali fl-oqsma differenti tal-ħajja tal-pajjiż”.

Għalhekk il-Moviment ħoloq rivista mmirata għal udjenza żagħżugħa. Friggieri jsemmi speċifikament li “kellna f’moħħna l-qagħda tal-Malti fl-iskejjel” sekondarji. Fost l-imħuħ wara dan il-proġett kien hemm Mario Azzopardi, Anthony S. Azzopardi u Oliver Friggieri nnifsu. Dan tal-aħħar ifakkar id-diskussjoni li kellhom hu u Mario Azzopardi dwar it-titlu li riedu jagħtu lir-rivista. Waslu għall-isem “Sagħtar” għax riedu “kelma Maltija safja iżda mhux stramba, fiha l-ġmiel tal-ħoss u tevoka l-fwieħa ta’ ħaxixa li tiżgħed fi gżiritna.”

U s-Sagħtar beda f’Jannar 1971 u baqa’ sejjer, grazzi għal diversi għalliema fl-iskejjel u mijiet ta’ kontributuri matul is-snin. Ix-xogħol biex jinħareġ kien – u għadu llum ukoll – bla qies. Friggieri jsemmi “xogħol ta’ tħejjija, ġiri, kitba, korrezzjonijiet u ħwejjeġ oħra”. Ma’ dan, illum il-ġurnata, żdied ix-xogħol kbir fuq id-disinn, il-komponent diġitali u x-xogħol li jġib miegħu biex is-Sagħtar jittella’ b’format diġitali fis-sit saghtar.org.mt u fl-app tas-Sagħtar. Iżda l-għan għadu l-istess kif kien meta beda: li jitrawwem sens ta’ għarfien u mħabba għall-Malti fl-istudenti Maltin u Għawdxin.

Biex dan iseħħ, wara li s-Sagħtar kien twaqqaf għal xi żmien fl-2015, twaqqfet fondazzjoni fl-2020, li jisimha propju Fondazzjoni Sagħtar, fi ħdan l-MUT, li kienet ilha tippubblika r-rivista mill-1976, wara li l-Moviment Qawmien Letterarju kien għadda d-drittijiet lilha. Illum il-ġurnata l-Fondazzjoni tippubblika s-Sagħtar kemm fil-format tradizzjonali stampat kif ukoll fil-format modern diġitali. Nawguraw li dan jibqa’ jseħħ għal ħafna snin oħra, għall-ġid u l-gost tal-istudenti Maltin.

Ordna l-magażin stampat
saghtar.org.mt/hanut