Reġa’ wasal il-Father Christmas tal-kotba – jew inkella Matthew tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb!
Inti liema tippreferi?
Ħa nkun għedtlek kollox: jien la għandi daqna bajda, la nħobb nilbes aħmar u lanqas għandi żaqqi kbira… imma nħobb naqra ħafna.
Min jaf xi jkun għaddej minn moħħ il-kittieba meta jaqbdu u jiktbu ktieb? Ġieli ħsibtuha din? Għalhekk did-darba mort inkellem daqsxejn lill-kittieba li rebħu l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb bil-kotba tagħhom għat-tfal u ż-żgħażagħ… u ma ħallejthomx jitilqu qabel jgħiduli x’jispirahom fil-ħajja tagħhom.
Araw x’qaluli…


Ulied il-Wied
miktub minn Ben Agius (Horizons)
Ben qalli li appuntu intom, it-tfal u ż-żgħażagħ, ispirajtuh jikteb dan il-ktieb. Speċjalment intom li tħobbu l-ambjent Malti u ma triduhx jinqered minħabba nies oħrajn li moħħhom biss fil-flus. Il-flus importanti, imma jiġu u jmorru. L-ambjent ma jerġax jiġi!
Jekk inti tifel jew tifla kuraġġuża u li dak li tħobb taqbeż għalih, kun af li Ben jammirak u tispirah!
Dwar il-ktieb – dak li ssib fuq il-qoxra ta’ wara, li ngħidulu “ħarsetta” għax hu “ħarsa qasira”
Meta Kevin beda skola ġdida f’raħal ieħor ma basarx illi kien ser jiltaqa’ ma’ tifla bħal Betta. Betta kienet kollox li hu ma kienx – fuq tagħha, kuraġġuża u toqgħod f’razzett mimli annimali f’wied mill-isbaħ.
Iżda Betta kellha l-problemi tagħha wkoll.
Il-ġenituri tagħha kienu ser jinfirdu, u s-Sur Bastjan ried jeqred ir-razzett u l-wied ta’ nannuha sabiex jagħmel barriera u fabbrika tas-siment.
Fit-taqbida tagħhom sabiex isalvaw il-wied mill-qerda Kevin u Betta jsibu msieħba mhux mistennija f’raġel stramb u annimal ċkejken. Imma tgħid dan ser ikun biżżejjed sabiex jirnexxilhom?
Dan il-ktieb rebaħ il-kategorija tal-kotba oriġinali għat-tfal ta’ bejn it-8 snin u t-12-il sena.


Shadow Woods
miktub minn Roberta Bajada (Merlin Publishers)
Roberta qaltli li l-qarrejja żgħażagħ dejjem ispirawha biex tikteb dal-ktieb dwar meta hi kienet daqshom – tifla jew tifel ftit kbir – u kienet iżżur il-parks u tfaddal il-ġugarelli.
Il-kittieba tatkom parir ukoll – avolja dejjem se tibqgħu tikbru, minn ġewwa ibqgħu tfal u żgħażagħ!
Dwar il-ktieb – dak li ssib fuq il-qoxra ta’ wara, li ngħidulu “ħarsetta” għax hu “ħarsa qasira”
“Kullimkien inħallik tmur,” kienet tgħidli; u f’leħinha kważi jirtogħod kont naqbad ħjiel ta’ diqa – “Imma hemmhekk le.” Lanqas l-isem tal-park ma kienet tlissen, bħallikieku Shadow Woods kien sinonimu ma’ xi skandlu li kienet taf bih hi biss.
Awwissu, 2018: Taħt il-qilla tax-xemx li tikkaratterizza s-sjuf ta’ Texas, Daniel Fisher jilmaħ il-fdalijiet iltima ta’ Shadow Woods fi triqtu għal għand iz-ziju Jeff. La martu Olivia, la wliedu u lanqas hu stess ma jaf l-istorja kollha ta’ wara t-theme park dilapidat.
Tletin sena qabel Daniel iżur Shadow Woods għall-ewwel darba fil-fjur ta’ żgħożitu. Karużelli mlewna, terramaxki ferriħija, roti panoramiċi mdaqqsa… Qalbu tħabbat għall-faxxinu tal-park, waqt li ruħu tinħakem mill-bosk oskur bis-sigrieti makabri li jostor.
Dan il-ktieb rebaħ il-kategorija tal-kotba oriġinali għaż-żgħażagħ.































