Ċentru tal-Ilsien Malti

Il-Lapes, li proprjament jismu Claude Agius, huwa wieħed mill-aktar rappers magħrufa f’Malta. Hu beda jikteb u jirreppja meta kellu madwar 17-il sena. Il-Lapes juża ħafna l-lingwa Maltija fil-kanzunetti tiegħu – u b’hekk jagħti spirtu speċjali lill-mużika tiegħu.

Kif bdiet il-passjoni tiegħu?
Meta kien iżgħar, Il-Lapes kien kultant iħossu differenti minħabba li għandu l-ADHD. Minkejja d-diffikultajiet, hu sab mezz kif idawwar dan kollu f’saħħa: il-mużika u l-kitba tal-versi. Bil-ħila tiegħu rnexxielu jittrasforma l-enerġija tiegħu fi kreattività kbira.

Għaliex hu interessanti għalik?
Il-Lapes jurina li kull sfida tista’ tinbidel f’opportunità. Huwa eżempju ta’ kif il-mużika tista’ tkun kumpann u kumpanija għalina, filwaqt li tagħtina kuraġġ u turina li m’hemm xejn impossibbli jekk nemmnu fil-ħolm tagħna.

Kemm taħseb li huwa jew għadu popolari l-Malti fil-mużika Maltija?

Il-lingwa Maltija nħoss li rridu niġġieldu għaliha. Nemmen li fid-direzzjoni li ħa l-pajjiż il-Malti qiegħed fil-periklu, però, bl-għajnuna ta’ nies li jħobbu l-Malta u l-kultura tagħna, forsi għad hemm iċ-ċans li nirkupraw dak li forsi bdejna nitilfu.

X’inhuma l-motivazzjonijiet ewlenin li tħoss li jagħtu dik l-ispinta lill-kantanti u t-timijiet tal-produzzjoni Maltin sabiex jużaw il-Malti?

Jien dejjem emmint fil-Malti u l-kobor tiegħu. Jien trabbejt fil-kultura, u għext ħafna mumenti sbieħ, speċjalment man-nanniet tiegħi. Kienu huma li ħaduni fejn l-għannejja u semmgħuni siltiet mużikali bil-Malti li spiċċaw baqgħu mnaqqxa ġewwa fija.

Xi jfisser għalik li tkanta u tirreppja biss bil-Malti?

Inħoss li r-rap huwa l-iżjed ġeneru favorit għalija, speċjalment minħabba fl-onestà tiegħu, u dan apparti l-fatt li jgħinni nesprimi lili nnifsi. Il-Malti, min-naħa l-oħra, huwa dak li jtini l-passjoni biex inwassal il-messaġġ.

Xi tgħidilna dwar il-proġetti tiegħek li fil-passat żewqu l-għana u r-rap flimkien? (Pereżempju għidilna kif huma ġeneri differenti minn xulxin, iżda ġibthom flimkien u rnexxielek tagħti ħajja mill-ġdid b’mod innovattiv lill-għana Malti, eċċ.)

L-għana u r-rap huma sinonimi ma’ xulxin. Forsi għall-ewwel jidhru differenti ħafna minn xulxin, biss il-verità hi li r-rima użata, l-espressjoni u s-saħħa tagħhom flimkien tirrappreżenta l-verità b’sinċerità kbira.