Malta Voluntary Council Logo

Il-volontarjat ifisser li tagħti ftit minn ħinek tgħin lin-nies, lill-annimali, lill-ambjent jew tagħmel xi ħaġa li tħobb bla ma tfittex li titħallas. Eluf kbar ta’ persuni, kemm adulti u anki żgħażagħ, ta’ kull sena jagħmlu dan billi jwaqqfu, imexxu, jissieħbu jew jingħaqdu ma’ għaqdiet volontarji. Ħafna voluntiera jaħdmu flimkien biex jgħinu lil ħaddieħor, jipproteġu n-natura, jieħdu ħsieb l-annimali, jgħinu fil-festi, jipprattikaw xi sport, passatemp jew xi ħaġ’oħra li jħobbu, u elf ħaġa oħra!

Malta għandha Strateġija Nazzjonali tal-Volontarjat 2025-2030, li tnediet biex issaħħaħ is-settur, tappoġġja l-voluntiera u tagħmel il-volontarjat aktar viżibbli u aċċessibbli.

X’tieħu mill-volontarjat jekk ma titħallasx?
Il-volontarjat jagħti ħafna! Apparti s-sodisfazzjon li tgħin, taf tikseb il-kunfidenza, ħiliet ġodda, ħbiberiji, skop u sens ta’ għaqda waqt li tkun qed tagħmel impatt. Tista’ titgħallem dwar pajjiżek u s-soċjetà tagħna. Il-volontarjat jiftaħ il-bibien għal esperjenzi ġodda, u għaliex le… anki karrieri u komunitajiet li forsi ma kontx tiskoprihom b’mod ieħor. Li tieħu mill-volontarjat huwa imprezzabbli!

Kemm għandek bżonn ħin liberu għall-volontarjat?
Fil-verità kull ftit ħin jgħodd! Il-volontarjat m’għandux għalfejn ikun impenn kbir. M’għandekx bżonn tkun hemm kuljum jew titlef il-weekends tiegħek. Sew jekk tgħin f’xi ħaġa ta’ darba, ta’ darba fix-xahar jew fis-sena, u sew jekk ta’ kultant wara l-kwinti jew online, kollox jgħin!

Malta għandha madwar 1,900 għaqda volontarja rreġistrati mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.

Bħala eżempju, bilfors trid tkun tajjeb fl-isports biex tagħmel volontarjat fl-isports?
Le, m’għandekx għalfejn! Il-volontarjat fl-isports, biex inżommu l-eżempju, ma jsirx biss fil-grawnd. Hemm ħafna xogħol wara l-kwinti, laqgħat, ippjanar, fuq il-midja soċjali, għajnuna lill-parteċipanti, ritratti u ħafna aktar! Dan kollu jgħodd ukoll għall-għaqdiet kollha, sew jekk huma tal-ambjent, tal-annimali, kulturali, ta’ inklużjoni u l-bqija!

Minn fejn naqbad nibda biex nara liema għaqdiet għandhom bżonn il-voluntiera?
Is-sit elettroniku volunteers.mt għandu numru ta’ servizzi, kemm għall-voluntiera u anki għall-għaqdiet. Wieħed minnhom hu dak magħruf bħala Voluntary Service (u Youth Voluntary Service għaż-Żgħażagħ), li fih issib lista ta’ għaqdiet li qed ifittxu l-voluntiera u x’għandhom bżonn.

Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat għandu numru ta’ servizzi għal min jixtieq jibda jagħti sehmu fil-volontarjat. Dawn is-servizzi qegħdin miġbura fis-sit volunteers.mt