Annimal kurjuż immens, li jgħix fl-Għerien ta’ Postojna fis-Slovenja, naħsbu, li qanqal ħafna immaġinazzjoni f’nies li xebbhuh ma’ dragun ċkejken.
Dan l-annimal huwa l-proteus, jew kif ħafna laqqmuh, ‘il-ħuta umana’ minħabba l-lewn tal-ġilda tiegħu li tixbah lil dik ta’ uman abjad. Dal-proteus jgħix fid-dlam, fl-ilma ċar tal-għerien. Għandu forma ta’ gremxula tawwalija b’ras kemxejn ċatta u żewġ pari saqajn fit-truf ta’ ġismu – par qrib ta’ rasu u par ieħor qabel jibda denbu.
Il-proteus addatta ħafna għall-ambjent li jgħix fih. Jingħad li ilu jeżisti għal miljuni ta’ snin, minn kemm ilhom jeżistu l-għerien f’dil-parti tas-Slovenja. Jitwieled b’żewġ għajnejn iżda jekk inħarsu sewwa ninnotaw li ma jidhrux għajnejh. Biż-żmien l-għajnejn jinħbew taħt ġilda kważi trasparenti. B’hekk nafu li addatta għad-dlam. U x’jambihom għajnejh jekk fil-qiegħ tal-għadajjar tal-għerien hemm dlam ċappa? Biex jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ għajnejn il-proteus għandu sens ta’ smigħ qawwi ħafna, kif ukoll dak tax-xamm. Jikber minn 23 ċentimetru sa 25 ċentimetru u xi drabi anke sa 30 ċentimetru.
Biex jiekol donnu bla sabar għax jibla’ l-ikel sħiħ. Ma naħsbux li jibla’ xi ħuta jew xi granċ, tafux! L-ikel tiegħu jikkonsisti f’annimali tal-ilma żgħar ħafna, bħal imħar jew bebbux tal-ilma ħelu u plankton, li huma ħlejjaq mikroskopiċi bilkemm jidhru. Għaldaqstant idum jiddiġerixxi l-ikel. Meta ma jsibx ikel biżżejjed il-proteus kapaċi jibqa’ fejn ikun mingħajr ma jiċċaqlaq jew jaħli enerġija. Jista’ jibqa’ fl-istess post għal bosta snin u jibqa’ ħaj. Mhux annimal ġellied, u kapaċi jibża’ għat-territorju tiegħu bil-kwiet u l-paċi. S’issa qatt ma ntlemaħ proteus b’ġilda mkemmxa. Jgħidu li l-proteus ma jixjieħ qatt!
Huwa diffiċli li tgħid kemm għad hawn proteus minħabba li huwa annimal li jgħix fid-dlam. Nafu li jeżisti fl-Ewropa u li s-Slovenja ddikjaratu bħala annimal protett mil-liġi. Fi żmien meta l-klima qiegħda dejjem tinbidel anke aħna nistgħu nagħmlu l-parti tagħna biex ix-xmajjar ma jiġux imniġġsa. Nibżgħu għad-dinja li qed ngħixu fiha u ma naħlux enerġija bl-addoċċ. Bil-ftit tagħna jaf inkunu qed ngħinu lill-proteus sabiex jibqa’ jeżisti għal ħafna u ħafna snin.
































