Ministeru GOV Logo

minn Stephanie Apap, Kap tad-Dipartiment tal-Malti, il-Kulleġġ Santa Tereża

Għeżież studenti, it-tagħlim tal-Malti fis-sentejn tal-iskola medja jlaqqagħkom ma’ aspett mill-isbaħ tal-lingwa tagħna: il-letteratura. Fil-primarja forsi qrajtu jew smajtu xi taqbiliet ħfief u skoprejtu x’inhi r-rima, imma issa li qegħdin tikbru bdejtu tistudjaw il-letteratura f’iktar dettall. Il-letteratura hija waħda mill-fergħat tal-arti u, bħal kull forma oħra tal-arti (il-mużika, iż-żfin u t-tpinġija), hija miftuħa għal interpretazzjonijiet differenti. Kulħadd jirrispondi bil-mod tiegħu skont il-burdata u l-esperjenzi li jkun għadda minnhom. Fil-fatt hawn min jgħid li l-letteratura hija taħlita ta’ emozzjonijiet u iktar ma naqrawha iktar niskopru affarijiet li jogħġbuna jew idejquna fiha. 

Illum se ngħaddilkom ftit informazzjoni dwar il-poeżija. Naħseb li l-għalliema tagħkom diġà spjegawlkom it-termini bażiċi li nużaw, bħal ngħidu aħna versi mhux linji u strofi mhux paragrafi. Dan il-kliem jgħinna nagħmlu differenza bejn il-poeżija u l-proża. Forsi midħla wkoll tad-differenzi li hemm bejn il-poeżija tradizzjonali u l-poeżija moderna. Kulħadd jaf x’inhuma regoli. Ċerta li fl-iskejjel tagħkom hemm sensiela ta’ regoli li tridu tobdu, hux hekk? Il-poeżija tradizzjonali nqabbilha ma’ student eżemplari u ubbidjenti. Dan għaliex tobdi r-regoli eżatt. Ikollha versi ndaqs, l-istess tip ta’ strofi u ħafna drabi jkollha skema regolari ta’ rima. Kollox pulit u f’postu. Il-poeżija moderna ftit imqarba. Ir-regoli ma tħobbhomx u tirribella kontrihom. Għalhekk ikollha versi ta’ tulijiet differenti (vers ħieles), strofi mhux indaqs (ġieli lanqas ikollha tqassim ta’ strofi) u bla rima jew rima ħielsa (mingħajr ebda skema fissa). Imma dawn iż-żewġ tipi ta’ poeżiji mhumiex differenti biss fl-istil u l-metrika tagħhom. Poeżija tradizzjonali tinfluwenza ruħha minn temi u suġġetti taż-żmien ta’ qabel. Ma tesprimix xi ħaġa ġdida imma ġeneralment tirrepeti affarijiet tal-passat. Fuq in-naħa l-oħra, il-poeżija moderna tagħmel sforz biex tkun oriġinali u forsi tappella iktar għall-ħajja u l-isfidi tal-lum. Il-vers ħieles iqarribna iktar lejn il-mod kif nitkellmu u jnaqqas mir-riġidità tal-vers tradizzjonali u regolari. 

Ħafna drabi aħna naqraw biex nifhmu. Meta naqraw il-letteratura jista’ jagħti l-każ li ma nifhmux kollox u minħabba f’hekk inħossuha diffiċli. Irridu nżommu f’moħħna però li l-valur prinċipali tal-letteratura u, b’mod partikolari tal-poeżija, jinsab fl-esperjenza jew l-esperjenzi li toffri. Aħna l-qarrejja rridu naqtgħu u nippruvaw nifhmu dak li jkun hemm moħbi fil-poeżija. Qari ħafif u faċli jikxef kollox mill-ewwel. Il-poeżija mhijiex hekk. Hija bħal logħba noli bejnna u l-poeta. Il-poeta jipprova jaħbi l-messaġġi tiegħu billi juża figuri tad-diskors differenti u aħna rridu nagħmlu ħilitna biex nikxfuhom u nifhmuhom. U biex nagħmlu dan irridu nipparteċipaw bis-sħiħ fil-lezzjonijiet tal-letteratura. Niddiskutu, nistaqsu u naqraw. 

Nawguralkom esperjenzi u vjaġġi mill-isbaħ qalb il-letteratura Maltija.