Ipprova poġġi ftit oġġetti fuq mejda.
Ħares lejhom sewwa. X’forma għandhom?
Waħdek tibda tinduna b’ħafna forom madwarek.
Hekk għamel l-artist famuż Pablo Picasso.
Pablo Picasso twieled fi Spanja fl-1881. Tgħallem mingħand missieru, li wkoll kien artist. Pablo kien jaf ipinġi ħafna u rebaħ bosta kompetizzjonijiet. Meta kiber ivvinta stil ġdid ta’ pittura li xxokkja lil ħafna nies.


Picasso għallimna nħarsu u naraw l-affarijiet madwarna b’modi differenti permezz tal-arti tiegħu. Kien minn tal-ewwel li ħareġ bi stil ġdid ta’ pittura li ssejjaħ “Kubiżmu”. Ħafna nies rawha stramba din il-forma ta’ arti, iżda ma damitx ma qabdet fost l-artisti famużi ħbieb tiegħu ta’ dak iż-żmien. F’pittura Kubista kollox jidher donnu mkisser fi kwadri. Ħafna drabi l-artist ipitter l-oġġett jew il-figura umana minn angoli differenti. Allura int tkun qed tħares lejn wiċċ u tara għajn mill-ġenb u oħra minn quddiem u forsi ħalq maqsum f’biċċa fuq u oħra isfel. Picasso kien pitter lill-għarusa tiegħu, Dora Maar, b’dan il-mod. Fil-pittura għajnejha u mneħirha jidhru mpittrin barra minn posthom. Jgħidu li xorta waħda baqgħu ħbieb għax dan kien l-istil speċjali ta’ Picasso.
Seated Portrait of Dora Maar, 1939 minn Pablo Picasso






























