minn Robert Caruana

Ħafna adulti jgħidu li l-iskrin hu ħażin. Imma naħseb li mhux l-iskrin il-problema… imma kif nużawh.

Hemm ħin fuq l-iskrin li huwa tajjeb ħafna, speċjalment meta nużawh biex nesploraw u noħolqu, bħal meta naraw xi dokumentarju jew nużawh biex nagħmlu xi riċerka għal xi proġett, nisimgħu l-mużika, għat-tpinġija diġitali, għall-editjar tar-ritratti, għall-animazzjoni jew saħansitra għall-coding. U hemm ukoll l-użu tal-iskrin għall-gost, u dan jista’ jkun tajjeb ukoll bħala rikreazzjoni.

Eżempju – Il-logħob diġitali mhux dejjem ħela ta’ ħin. Jista’ jgħinek titgħallem strateġija, il-paċenzja, il-ħidma f’tim, u anke lingwi barranin. U jekk tilgħab ma’ sħabek b’mod rispettuż jista’ jkun mod sabiħ biex tqattgħu l-ħin flimkien.

U l-mużika? Illum tista’ tuża app jew software biex titgħallem tikkomponi, toħloq il-beats, tirrekordja jew tagħmel remix. Dan mhux biss divertiment – huwa kreattività. L-istess il-filmati qosra, timmonta, iżżid it-titli u l-effetti speċjali. It-tpinġija diġitali llum il-ġurnata hija wkoll famuża ħafna maż-żgħażagħ. Permezz ta’ apps differenti wieħed jista’ jpinġi bi stylus pen jew anke b’sebgħu, jeditja t-tpinġija jew ir-ritratti kif ukoll jagħmel xi animazzjoni. Dawn huma modi kif il-ħin fuq l-iskrin itik sodisfazzjon u tkun tista’ taqsam ma’ sħabek il-kreattività tiegħek.

Imma hemm ukoll id-doom-scrolling:

meta tibqa’ tiskrollja bla waqfien fuq vidjows u posts u ma tindunax kif ikun għadda l-ħin. Kultant iħallik għajjien, moħħok mimli, jew tħossok qed tqabbel lilek innifsek ma’ ħaddieħor.

3 regoli sempliċi

  1. Iddeċiedi ħin kemm ser iddum tilgħab: “Se nilgħab 30 minuta” – b’hekk ikollok kontroll fuq il-ħin quddiem l-iskrin.
  2. Ħu pawsa kull 20 minuta biex isserraħ għajnejk: Huwa importanti li tkun taf illi meta żżomm għajnejk fuq distanza fissa l-muskoli tal-għajnejn jidraw jiffukaw l-aktar għal dik id-distanza. B’hekk għajnejk imorru lura f’qasir żmien.
  3. Agħżel kontenut li jgħinek u li jista’ jgħallmek dwar suġġetti li jinteressawk (annimali, karozzi, moda, arti, mużika eċċ.), li jispirak jew li jgħinek tkun aħjar. Oqgħod ħafna attent minn kontenut li taf li mhux se jagħmillek ġid!

Mistoqsija għalik:

Int meta tuża l-iskrin tkun qed titgħallem/toħloq jew tiskrollja bla ħsieb?

Id-doom-scrolling: x’jagħmillek?

Id-doom-scrolling hu meta tibqa’ tiskrollja bla waqfien fuq vidjows/posts u titlef is-sens tal-ħin – anke jekk ma tkunx qed tieħu pjaċir.

Riperkussjonijiet komuni

  • telf ta’ ħin u mbagħad tħossok li “m’għamilt xejn”;
  • konċentrazzjoni aktar dgħajfa: moħħok jidra kollox malajr u diffiċli tiffoka fuq xogħol jew qari;
  • aktar stress/ansjetà, speċjalment jekk tara drama jew aħbarijiet negattivi;
  • tqabbel lilek innifsek ma’ ħaddieħor u ma tibqax kunfidenti miegħek innifsek;
  • ma torqodx sew jekk tagħmlu qabel il-ħin tas-sodda.

2 soluzzjonijiet li jaħdmu

Timer ta’ 15-20 minuta u pawsa;
Itfi l-autoplay u n-notifications biex ma jtellfekx waqt attivitajiet oħra.

L-aħħar u l-aħjar mistoqsija:
Wara li tiskrollja tħossok aħjar jew agħar? Jekk aħjar, probabbli qed titgħallem, u jekk agħar, probabbli qed taqa’ fid-doom-scrolling mingħajr ma taf.