Transport Malta Logo

Kitba ta’ Laura Galea
Assistant Manager, Taqsima għas-Sostenibbiltà, id-Diġitalizzazzjoni u l-Affarijiet Internazzjonali, Transport Malta

Illum ser nagħtikom xi informazzjoni utli dwar it-Taqsima tas-Sostenibbiltà, id-Diġitalizzazzjoni u l-Affarijiet Internazzjonali, li tifforma parti mid-Direttorat għat-Trasport fuq l-Art fi ħdan Transport Malta. It-taqsima hija magħmula minn 6 membri li kollha jkopru rwoli u dmirijiet differenti. Ir-responsabbiltajiet ewlenin li jaqgħu taħt din is-sezzjoni jkopru fost l-oħrajn l-Iskemi ta’ Għotjiet tal-Gvern, il-proċess ta’ Diġitalizzazzjoni tas-sistemi diversi tad-Direttorat, kif ukoll il-materji kollha relatati mal-affarijiet internazzjonali, filwaqt li nkunu ta’ sostenn għad-dipartimenti l-oħra li jaqgħu taħt l-istess Direttorat. Kull irwol jitlob impenn u dedikazzjoni, kemm lejn il-klijenti, kif ukoll lejn l-Awtorità. Il-kariga attwali tiegħi tkopri primarjament dak kollu li jirrelata ma’ affarijiet internazzjonali, leġiżlazzjoni tal-pajjiż u relazzjonijiet Ewropej.

Bħalissa qed nirrappreżenta lill-Awtorità fi proġett ewlieni ffinanzjat mill-UE, imsejjaħ eFTI4ALL. Aspetti ewlenin u kruċjali fi proġetti bħal dan jinkludu t-twaqqif ta’ eFTI Gate mill-Istati Membri, li se tkun soluzzjoni teknoloġika li tippermetti komunikazzjoni diġitali u awtomatizzata bejn l-eFTI Gates tal-Istati Membri kollha u l-pjattaformi tal-eFTI użati mill-operaturi tat-trasport biex jaħżnu u jaqsmu l-informazzjoni u d-dokumenti diġitali tagħhom. Proġett interessanti ieħor li qed naħdmu fuqu bħalissa huwa s-Sistema ta’ Kwoti Multilaterali tal-ECMT. Din is-sistema tittratta l-liċenzji li jinħarġu mill-Forum Internazzjonali tat-Trasport, organizzazzjoni fi ħdan l-OECD, u jintużaw minn trasportaturi li jġorru merkanzija fil-kuntest usa’ Ewropew, li jestendi mill-Portugall sal-Ażerbajġan, u jinkludi 43 pajjiż differenti. Malta ilha għal żmien membru tas-sistema tal-ECMT. Dawn iż-żewġ proġetti jokkupaw l-akbar parti tal-ħidma tiegħi.

F’dawn il-ġranet ospitajna t-tieni laqgħa annwali tal-ECMT f’Malta li tippreċedi t-tnedija tal-Liċenzja Diġitali l-ġdida. Dan isegwi l-kisba ta’ proġett twil 8 snin, li tmexxa mill-Inġinier Ronald Attard Pullicino, Direttur tat-Taqsima għas-Sostenibbiltà, id-Diġitalizzazzjoni u l-Affarijiet Internazzjonali, bħala l-president tas-sottogrupp tad-diġitalizzazzjoni. Għal din il-laqgħa kien hemm ukoll preżenti l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett, il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta s-Sur Kurt Farrugia, kif ukoll mistiedna distinti oħra. Il-laqgħa saret fil-binja antika tal-Università fil-Belt Valletta, u kienet mifruxa fuq medda ta’ jumejn. Dan ix-xogħol jifforma parti mill-isforzi kontinwi tagħna biex nikkonsolidaw il-pożizzjoni ta’ Malta fejn jidħol it-trasport tal-merkanzija. Għaldaqstant, l-Awtorità organizzat mawra qasira fuq il-baħar madwar il-Port il-Kbir għad-delegati preżenti. Dan kollu sar sabiex pajjiżi akbar minn Malta jkunu jistgħu jifhmu aktar l-isfidi li jgħaddu minnhom it-trasportaturi Maltin tal-merkanzija.

Kif aċċennajt aktar qabel, l-eFTI4ALL huwa wkoll proġett pjuttost innovattiv u ambizzjuż fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija. Bi pjaċir inħabbru li bejn il-25 u s-26 ta’ Novembru ta’ din is-sena ser jiġi organizzat it-3 konsorzju ġewwa pajjiżna, li ser ikun organizzat mill-Awtorità tat-Trasport f’Malta. Waqt dan il-konsorzju, esperti Ewropej u lil hinn, kif ukoll membri tal-Kummissjoni Ewropea, ser ikollhom l-opportunità li jiddiskutu dan is-suġġett aktar bir-reqqa.

F’Mejju li għadda kelli l-opportunità li nieħu sehem fit-2 konsorzju tal-istess xorta li sar ġewwa Copenhagen, id-Danimarka. Attwalment Malta bħala Membru Stat fi ħdan il-proġett qiegħda tevalwa l-possibilitajiet kollha qabel ma timxi għall-pass li jmiss. Fost id-diversi xenarji li nistgħu nagħżlu nsibu dak li nibnu l-eFTI Gate tagħna, li nużaw eFTI Gate ta’ pajjiż ieħor, jew il-multitenancy. Il-multitenancy huwa software li bih applikazzjoni waħda sservi diversi klijenti (tenants), kull wieħed bid-data. L-aċċess huwa sikur u privat individwalment, minkejja li jaqsmu l-istess infrastruttura. Il-vantaġġi primarji ta’ sistema b’ħafna klijenti huma spejjeż imnaqqsa b’mod sinifikanti permezz ta’ riżorsi kondiviżi, aċċess aħjar biex takkomoda d-domanda dejjem tikber, u manutenzjoni simplifikata hekk kif l-aġġornamenti jiġu applikati u kondiviżi darba biss minflok għal ħafna drabi. Benefiċċji oħra jinkludu użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, implementazzjoni aktar mgħaġġla ta’ karatteristiċi ġodda, u l-abbiltà għall-fornituri li joffru servizzi b’inqas spejjeż ġenerali.

Din it-taqsima hija relattivament ġdida u żgħira, tkopri ħafna aspetti importanti relatati mad-Direttorat tat-Trasport fuq l-Art. Inħeġġukom issegwuna fuq il-midja soċjali ta’ Transport Malta, kif ukoll tibagħtulna email fuq: sdia.tm@transport.gov.mt jekk tixtiequ ssiru tafu aktar dwar ix-xogħol siewi li tagħmel l- Awtorità.