minn Rita Saliba
Min jaf kemm rajna xbihat tagħhom fuq kartolini tal-Milied jiġbdu slitta ppakkjata bir-rigali jew f’xi film tal-cartoons fuq it-televixin. Iċ-ċriev huma annimali ħelwin, b’ħarsa kważi maħsuda, mistħijin mill-bniedem.
Il-familja Cervidae tinkludi ħafna speċi mqassma madwar id-dinja. Dawn huma l-gruppi ewlenin:
Cervinae (ċriev veri) – bħar-red deer, il-fallow deer, is-sika deer, il-muntjac deer u l-elk;
Capreolinae (ċriev tal-Amerka u oħrajn) – bħall-white-tailed deer, il-moose, ir-reindeer u r-roe deer. Dawn huma biss eżempji, għax madwar id-dinja jinstabu madwar 40 speċi differenti.
Każ kurjuż huwa dak tal-muntjac deer. Dan iċ-ċerv huwa wieħed mill-iżgħar u jiġi mill-aktar speċi antika ta’ ċriev. Il-karatteristiċi fiżiċi tiegħu jiddistingwuh minn speċi oħra ta’ ċriev.
Dawn iċ-ċriev ma jikbrux aktar minn kelb żgħir – madwar 40-50 ċm għoli. Ikollhom kulur kannella fis-sajf li jsir aktar griż fix-xitwa. L-irġiel ikollhom par qrun qosra qishom żewġt ixfar twal ta’ madwar 10 ċm. Ħafna speċi ta’ ċriev muntjac ikollhom snien twal (canines), li joħorġu ’l barra, speċjalment fl-irġiel.
Jissejħu “barking deer” għax jagħmlu ħoss bħal kelb jinbaħ meta jkunu maħsudin jew imbeżżgħin.
Huma pjuttost annimali solitarji – ġeneralment jgħixu waħedhom u joħorġu billejl jew filgħodu kmieni.
Jgħixu f’żoni bil-ħaxix għoli jew l-arbuxelli biex jinħbew faċilment u huma territorjali ħafna, jiġifieri dejjem jirritornaw lejn l-istess żona, anke jekk jitkeċċew mill-bniedem.
Oriġinarjament ġew mill-Asja t’Isfel u tax-Xlokk. Xi speċi ġew introdotti fl-Ingilterra u Franza u issa hemm popolazzjonijiet selvaġġi hemmhekk.
Kurżitajiet oħra xjentifiċi
Ix-xjentisti ma jiqfux jistudjaw lil dawn l-annimali. Il-muntjac deer għandu varjazzjoni kbira fil-kromożomi – minn 6 sa 46 skont l-ispeċi – li tagħmlu importanti ħafna fir-riċerka ġenetika.
Jistgħu jirriproduċu matul is-sena kollha u għandhom perjodu ta’ tqala relattivament qasir.






























