
Immaġina r-reazzjoni tan-nies ftit għexieren ta’ snin ilu kieku xi ħadd qalilhom li llum nużaw il-mowbajl prattikament għal kollox: għal-logħob, għat-tagħlim, għax-xiri online, biex nieħdu r-ritratti… u iva, anke biex inħallsu! Bla ebda kartiera, mingħajr il-bżonn li tiġbed il-flus mill-bank, u mingħajr il-bżonn li tiċċekkja l-bqija li jtik tal-ħanut. Għal dak iż-żmien din kienet tkun xi xena minn film tal-fantaxjenza! Imma kif taħdem eżattament is-sistema tal-pagamenti tal-mowbajl?
X’inhu e-wallet?
E-wallet huwa kartiera diġitali sikura. Minflok iġġorr il-flus tal-karti jew il-muniti, il-mowbajl iżomm l-informazzjoni bankarja tiegħek protetta. Meta trid tħallas sempliċiment titteppja l-mowbajl mal-magna li jkollu tal-ħanut, li jgħidulha “POS”, u lest!
Xi tfisser “contactless”?
Jekk tara s-simbolu żgħir tal-WiFi fuq l-app tal-pagamenti tiegħek fuq il-card, jew fuq il-POS tal-ħanut, dan ifisser li tista’ tħallas billi titteppja biss. Żomm il-mowbajl jew il-karta tal-bank qrib il-magna u l-ħlas jgħaddi fi ftit sekondi biss.
X’qed jiġri fil-fatt wara l-kwinti?
Meta tħallas bil-mowbajl, il-mowbajl jibgħat sinjal sikur lill-bank tiegħek. Il-bank jiċċekkja jekk għandekx biżżejjed fondi fil-kont tiegħek, japprova l-ħlas u jibgħat konferma biex jinġibdulek il-flus mill-kont fl-ammont li tkun infaqt għand tal-ħanut, kollox prattikament f’mument wieħed!
Faċli iżda ibqa’ għaqli mal-flus!
Għalkemm it-teknoloġija tagħmlilna l-ħajja aktar sempliċi rridu noqogħdu attenti xorta waħda. Hawn xi suġġerimenti:
- Żomm il-PIN sigriet.
- Iċċekkja tajjeb l-ammont li trid tħallas qabel ma titteppja.
- Illokkja l-mowbajl meta tieqaf tużah.
Kun għaqli, anke meta tuża teknoloġija smart! Tinsiex: għalkemm ma tarax il-flus ħirġin mill-but tiegħek, meta tħallas bil-mowbajl xorta waħda qegħdin jonqsu l-flus mill-kont bankarju tiegħek.






























