
Taf li inti tista’ tgħin ukoll? Kif, imma?
Jekk tixtieq torganizza festin tat-tfal, sessjonijiet ta’ rkib taż-żwiemel għal kull età jew kwalunkwe attività oħra relatata li tista’ tgħin biex tiġbor il-fondi għal dawn il-kreaturi sbieħ, jekk jogħġbok toqgħodx lura milli tikkuntattja lil Korin bin-numru 99947633. Jekk jogħġbok żur ukoll il-paġna tagħna ta’ Facebook għal aktar dettalji u ejja żurna.
L-RMJ Horse Rescue – l-unika NGO ta’ salvataġġ taż-żwiemel f’Malta – ilha topera għal dawn l-aħħar disa’ snin bil-missjoni li ssalva żwiemel traskurati u destinati għall-qatla. Kull sena madwar 100 żiemel jiġu kkurati, riabilitati u, kull meta jkun possibbli, jingħataw dar ġdida – u b’hekk jingħataw it-tieni ċans sikur fil-ħajja. Wara kull salvataġġ hemm storja ta’ sopravivenza. Ħafna minn dawn iż-żwiemel jaslu midruba, abbandunati jew destinati għall-qatla. Bil-kura u d-dedikazzjoni l-RMJ tagħtihom lura s-saħħa u l-fiduċja tagħhom u tbiddel id-disperazzjoni f’tama.

Barra minn hekk l-RMJ ilha tieħu żwiemel li twaqqfu mill-Animal Welfare, filwaqt li tikkollabora mal-gvern, għax sal-lum m’għandhiex spazju adattat u biżżejjed għalihom. Minkejja li ilha mwaqqfa biss ftit snin l-RMJ Horse Rescue kibret b’mod esponenzjali hekk kif id-domanda biex jiġu megħjuna aktar u aktar żwiemel tiżdied minn sena għal oħra. Minħabba l-fatt li Malta hija gżira żgħira ħafna u l-art hija limitata huwa estremament diffiċli li ssib nies li huma lesti li jagħtu djar ġodda liż-żwiemel lokalment. Mod wieħed kif ilaħħqu man-numru ta’ żwiemel li jispiċċaw mit-tiġrijiet u fil-periklu li jinqatlu huwa billi jiġbru l-fondi sabiex ikunu jistgħu jesportaw dawn iż-żwiemel barra minn Malta.






























