Transport Malta

Kitba ta’ Laura Galea
Assistant Manager, Taqsima għas-Sostenibbiltà, id-Diġitalizzazzjoni u l-Affarijiet Internazzjonali, Transport Malta

X’inhi l-ECMT?
Il-liċenzji tal-ECMT jinħarġu mill-Forum Internazzjonali tat-Trasport, organizzazzjoni fi ħdan l-OECD, u jintużaw mit-trasportaturi li jġorru l-merkanzija fil-kuntest usa’ Ewropew, li jestendi mill-Portugall sal-Ażerbajġan u jinkludi 43 pajjiż differenti. Il-Marokk mistenni jingħaqad mal-grupp is-sena d-dieħla, filwaqt li Malta ilha membru tal-ECMT mill-2002.

Il-Grupp dwar it-Trasport bit-Triq (RTG) jirregola u jiżviluppa din is-Sistema ta’ Kwoti Multilaterali tal-ECMT, li permezz tagħha jinħarġu u jiġu mmaniġġjati l-liċenzji. Dan il-grupp jirrapporta fuq bażi annwali lis-Summit tal-Ministri tal-ITF, li jsir f’Mejju fil-Ġermanja.

L-irwol ta’ Malta
Malta kienet tuża aktar il-liċenzji tal-ECMT, sakemm saret parti mill-Unjoni Ewropea, peress li l-operazzjonijiet kollha tat-trasport tal-merkanzija bit-triq mal-kontinent setgħu jsiru biss bl-użu ta’ dawn il-liċenzji. Minn dakinhar id-domanda mis-settur naqset, għalkemm dan l-aħħar qed naraw interessi ġodda f’operazzjonijiet lejn it-Turkija, is-Serbja u pajjiżi ġirien oħra. L-inklużjoni tal-Marokk, u eventwalment pajjiżi oħra tal-Afrika ta’ Fuq, fis-sistema tal-liċenzjar tista’ toffri wkoll opportunitajiet ġodda lit-trasportaturi li joperaw lejn dawn il-pajjiżi. Bħalissa nafu b’interessi u rabtiet eżistenti mat-Tuneżija u possibilment l-Alġerija.

Barra minn hekk l-Inġinier Ronald Attard Pullicino f’isem Malta ħa rwol ewlieni fi ħdan l-RTG, bħala viċi president mill-2017 u bħala president tas-sottogrupp fi ħdan l-RTG inkarigat mid-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-ECMT. Dan il-proġett jinsab fl-istadji finali tiegħu u s-sistema diġitali daħlet fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2026.

Il-laqgħa f’Malta
Fl-Aula Magna, sala ikonika tal-Università ta’ Malta fil-Belt Valletta, Transport Malta u l-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi ospitaw laqgħa storika tal-Grupp ta’ Ħidma tal-ECMT li ffukat fuq it-trasformazzjoni diġitali u l-kooperazzjoni internazzjonali fit-trasport bit-triq. Matul jumejn delegati minn madwar l-Ewropa u l-Asja Ċentrali ltaqgħu biex jesploraw soluzzjonijiet ta’ mobilità intelliġenti.

Il-punti ewlenin

  • It-tnedija li ġejja tas-sistema tal-liċenzja diġitali tal-ECMT, imħejjija mis-sottogrupp tad-diġitalizzazzjoni mmexxi minn Malta, timmarka era ġdida fl-infrastruttura interoperabbli.
  • Moduli diġitali li jissimplifikaw il-konformità filwaqt li jibnu l-fiduċja u l-effiċjenza transkonfinali.
  • Parteċipazzjoni attiva mill-pajjiżi membri tal-ECMT, li jippromwovu l-innovazzjoni kollaborattiva.
  • Fil-ftuħ tal-avveniment il-Ministru tat-Trasport ta’ Malta enfasizza li “l-futur tat-trasport mhux biss tekniku – huwa uman. Huwa dwar il-ħolqien ta’ sistemi li jagħtu s-setgħa lin-nies, jiftħu l-ekonomiji, jipproteġu l-pjaneta u jgħaqqdu l-komunitajiet.”
  • Malta saħħet ir-reputazzjoni tagħha bħala forza ewlenija fit-tiswir ta’ riformi kuraġġużi tal-politika u prattiċi li jgħaqqdu n-nazzjonijiet permezz tal-mobilità.

It-tnedija tas-sistema diġitali
Is-sistema diġitali l-ġdida tal-ECMT se tkun ta’ benefiċċju għall-pajjiżi membri billi tissimplifika l-operazzjonijiet permezz tal-permessi diġitali (bil-kodiċi QR) u l-kotba li jkunu abbord online, u dan inaqqas id-dipendenza mill-burokrazija fiżika. Din il-modernizzazzjoni żżid it-trasparenza u l-istandardizzazzjoni tal-proċeduri, ittejjeb l-effiċjenza għat-trasportaturi billi tnaqqas il-ħinijiet tal-istennija u trawwem sostenibbiltà u sigurtà akbar fis-settur tat-trasport.

Għan-negozji u t-trasportaturi dan ifisser:

  • It-tneħħija tal-burokrazija fiżika: Is-sistema l-antika tal-permessi u l-kotba tal-karta li jkunu abbord hija sostitwita minn proċess diġitali li fih it-trasportaturi jużaw kodiċi QR għall-permessi u jirreġistraw il-vjaġġi online.
  • Żieda fl-effiċjenza: It-trasportaturi se jesperjenzaw inqas stennija u pproċessar aktar mgħaġġel billi jaqilbu għal sistema kompletament diġitali, li tippermettilhom jiffokaw aktar riżorsi fuq l-attivitajiet ewlenin.
  • Proċessi standardizzati: Is-sistema l-ġdida tiżgura li t-traċċar u l-proċeduri huma standardizzati fil-pajjiżi parteċipanti kollha, u b’hekk jinħoloq ambjent aktar konsistenti u prevedibbli għat-trasport internazzjonali bit-triq.

Għall-gvernijiet u l-awtoritajiet

  • Trasparenza u standardizzazzjoni mtejba: L-awtoritajiet jiksbu ħarsa ġenerali aktar trasparenti tal-operazzjonijiet tat-trasport bi proċeduri diġitali standardizzati fil-pajjiżi membri kollha.
  • Ġestjoni tad-dejta mtejba: Il-pjattaforma diġitali sservi bħala l-unika għodda għall-immaniġġjar tal-permessi tal-ECMT, u b’hekk din tissimplifika d-dħul tad-dejta u r-rappurtar.
  • Appoġġ għas-sostenibbiltà: Il-bidla għas-sistema diġitali hija parti minn sforz usa’ biex tiġi promossa mobilità aktar sostenibbli fi ħdan l-ekosistema tat-trasport.
  • Iktar sigurtà: Il-liċenzji diġitali huwa virtwalent impossibbli li jkunu ffalsifikati, mentri dawk fiżiċi, anke jekk jużaw teknoloġiji avvanzati tas-sigurtà, dejjem jistgħu jkunu mbagħbsa jew iffalsifikati.

Kif issemma qabel, is-sistema tad-diġitalizzazzjoni tal-ECMT saret possibbli grazzi għall-inġinier Malti li huwa wkoll id-Direttur għall-Unità tas-Sostenibbiltà, id-Diġitalizzazzjoni u l-Affarijiet Internazzjonali fid-Direttorat tat-Trasport fuq l-Art fi Transport Malta. Aħna minn hawnhekk nixtiequ nawgurawlu għal dan ir-riżultat li kiseb. It-tnedija uffiċjali saret fil-5 ta’ Diċembru fil-Kwartieri Ġenerali tal-OECD f’Pariġi.

Ibqgħu segwuna għal aktar aħbarijiet interessanti u edukattivi minn Transport Malta.