Min jaf kemm konna nagħfsu l-kulur blu meta npinġu stampa tal-baħar! Bir-raġun għax dal-baħar Mediterran li jdawwarna magħruf għal kemm għandu kulur blu sabiħ. Artisti famużi pittruh u poeti kbar kitbu dwaru. Dal-baħar Mediterran għadda minn ħafna fenomeni naturali u għandu storja antika.
Biex ngħidu xi ħaġa fuq fuq dwar dan il-baħar, il-Mediterran imiss max-xtut ta’ tnejn u għoxrin pajjiż differenti. Ġo fih hemm kważi 3,500 gżira. Bosta minn dawn il-gżejjer huma żgħar fid-daqs. Hemm ukoll gżejjer kbar. L-akbar tnejn jinsabu qrib tagħna. Dawn huma Sqallija u Sardinja. Tistgħu timmaġinaw kemm hemm nies jgħixu fil-pajjiżi tal-Mediterran – ’il fuq minn 15-il miljun persuna. U jekk inkejlu kemm fih ilma, insibu mat-3.7 miljun kilometri kubi ta’ ilma!
Iżda tafu li xi darba l-Mediterran kien xott għalkollox mill-ilma? Dan kien ġara ħafna u ħafna snin ilu, sewwasew mas-6 miljun sena ilu, meta l-Mediterran sparixxa għalkollox minħabba fenomenu naturali. Reġa’ mtela fl-għargħar li kien laqat id-dinja 5 miljun sena ilu. Xjentisti li ilhom jistudjaw il-Mediterran jgħidu li l-Baħar Mediterran imtela f’inqas minn sentejn.
Huwa baħar fond, għalkemm mhux kullimkien l-istess u l-fond ivarja. Il-fond medju huwa dak ta’ 4,900 pied. Ma naħsibx li għandna nifs biżżejjed biex nogħdsu sal-qiegħ tal-Baħar Mediterran. U f’xi postijiet dal-baħar huwa aktar mielaħ minn oħrajn. Aktar ma nersqu lejn il-Lvant insibu l-baħar aktar mielaħ. Dan minħabba li l-ilma baħar jevapora (jinxtorob fl-atmosfera) aktar malajr milli min-naħa tal-Punent.
Il-Mediterran jingħaraf minn ibħra u oċeani oħra mil-lewn skur tiegħu. Dan minħabba li huwa nieqes minn ħafna nutrijenti li jkabbru l-ħaxix tal-baħar. Madankollu l-Baħar Mediterran kien u għadu jsaħħar ħafna baħħara, qanqal ħafna kurżitajiet u nkitbu kotba sħaħ dwar dan il-baħar tant sabiħ.






























