
Ix-xahar ta’ Marzu sar sinonimu ma’ wieħed mill-ikbar festivals lokali li jiċċelebra l-mużika Maltija. Mużika Mużika, li huwa organizzat minn Festivals Malta fuq tlett ijiem, huwa festival li jiċċelebra mhux biss il-lingwa Maltija, iżda wkoll il-kanzunetti u l-kompożizzjonijiet bil-Malti. F’dan il-festival jikkompetu 16-il kantant lokali b’kanzunetta oriġinali, fejn jiġu akkumpanjati live mill-Malta Philharmonic Orchestra.
Imma x’jagħmel dan il-festival daqstant speċjali?
Mużika Mużika joffri pjattaforma lill-artisti lokali biex jesebixxu l-mużika tagħhom, filwaqt li jagħti l-importanza li jistħoqqilha l-kanzunetta Maltija. Mużika Mużika huwa magħruf ukoll għas-Serata tal-Klassiċi, li dejjem issir fit-tieni lejl tal-festival. Waqt din is-serata mhux kompetittiva, l-artisti jingħaqdu ma’ bosta kantanti stabbiliti u jinterpretaw kanzunetti klassiċi bil-Malti li jħallu sens ta’ nostalġija fost dawk kollha li għandhom il-mużika Maltija għal qalbhom.
Apparti l-ispettaklu li jgawdu l-udjenzi fuq il-palk, Mużika Mużika jinvolvi wkoll sigħat twal ta’ ħidma minn diversi professjonisti minn kwalunkwe aspetti. Dawn jinkludu l-produzzjoni tal-festival innifsu, it-tekniċi tad-dawl u s-sound, id-direzzjoni tax-xandira televiżiva, il-bennejja tal-palk u s-sett, l-istaff tal-backstage, l-istilisti tax-xagħar u l-artisti tal-make-up, it-tim tar-reklamar, u mijiet ta’ ħaddiema oħra li jingħaqdu biex jagħmlu dan il-festival wieħed tassew uniku.
Mużika Mużika se jsir fuq tlett ijiem fid-19, l-20 u l-21 ta’ Marzu live mill-MFCC, Ta’ Qali. Il-festival se jixxandar ukoll fuq it-televiżjoni fid-9 pm. Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jżur is-sit www.muzikamuzika.mt.































