
MaltaPost nediet sensiela ġdida ta’ erba’ bolol biex tiċċelebra l-imħabba għall-qtates fil-gżejjer Maltin. Il-bolli ġew iddisinjati mill-artist Malti Andrew Micallef.
Il-Felis catus, magħruf aktar bħala l-qattus domestiku jew tal-familja, huwa mammiferu karnivoru żgħir tal-familja Felidae. Il-qattus ilu annimal domestiku għal kważi 10,000 sena, u sar wieħed mill-annimali domestiċi l-aktar popolari, apprezzat kemm għall-kumpanija tiegħu kif ukoll għall-ħila tiegħu biex jaqbad il-ġrieden u l-firien. Il-qtates huma annimali indipendenti li jieħdu ħsieb tagħhom infushom, u m’għandhomx bżonn ħafna attenzjoni. Ġeneralment huma kwieti, ġentili u għandhom riflessi tajbin ħafna, snien ippuntati u jaqtgħu, vista tajba ħafna billejl u kapaċi jxommu ħafna. Il-komunikazzjoni tagħhom tinkludi ħsejjes bħal li jingħu, purring, hissing u growling.

Il-bolla ta’ €0.20 turi qattus oranġjo, mistrieħ f’nofs il-kampanja bil-belt antika taċ-Ċittadella fl-isfond. Dan il-qattus huwa tat-tip calico b’suf twil, li jikkaratterizza ruħu bil-kulur abjad, oranġjo u iswed. Jgħidu li qtates ta’ dan it-tip iġibu magħhom il-ġid u l-fortuna, u huma kważi dejjem nisa.
Il-bolla ta’ €0.45 turi qattus abjad tat-tip “tabby”, fil-bajja tas-sajjieda ta’ Marsaxlokk, b’veduta tal-knisja parrokkjali tal-Madonna ta’ Pompei fl-isfond. Il-qtates jiġu f’diversi kuluri u disinji inkluż dak klassiku magħruf bħala mackerel, b’linji dojoq tul ġisimhom kollu. Meta jkollhom saqajn u sider bojod jissejħu tabby and white.


Il-bolla ta’ €1.00 turi qattus oranġjo tat-tip “tabby” fuq bank tal-ħadid fil-miftuħ, b’veduta tal-kappella ddedikata lill-Madonna ta’ Lourdes fuq l-għolja li tħares lejn il-Port tal-Imġarr. Il-qtates tabby, magħrufa wkoll bħala ginger, huma popolari għall-istrixxi li għandhom. L-aktar popolari fosthom huwa t-tabby oranġjo. Il-karattru ta’ Garfield, il-qattus fittizju li jħobb il-lażanja, huwa wieħed mill-aktar qtates oranġjo ta’ dan it-tip magħrufin fid-dinja tal-cartoons.
Il-bolla ta’ €1.91 turi qattus b’suf twil tat-tip Tuxedo, bil-villaġġ tas-Siġġiewi u l-knisja parrokkjali ta’ San Nikola fl-isfond. Il-qtates Tuxedo għandhom suf iswed u abjad li jixbah l-ilbies eleganti tal-irġiel. Karattri popolari ta’ dan it-tip huma Felix u Sylvester, magħrufa wkoll fil-cartoons.































