Iż-żiemel li baqa’ famuż
minn Rita Saliba
Dawk fostna li jħobbu l-annimali żgur li xi darba raw xi film li fih l-eroj tal-istorja kien annimal. Film li mess il-qlub ta’ ħafna nies huwa War Horse, li ħareġ fl-2011, tad-direttur Steven Spielberg, direttur magħruf tal-films, li addatta l-film mir-rumanz ta’ Michael Morpurgo. Dan l-awtur kiteb ’il fuq minn 100 ktieb għat-tfal u ħafna kotba li kiteb għandhom annimal bħala l-karattru prinċipali jew l-eroj. Ħafna huma tal-fehma li War Horse huwa wieħed mill-aħjar kotba li kiteb Morpurgo.
Il-parti prinċipali fil-film War Horse kienet interpretata minn żiemel jismu Joey, iżda fil-verità dan il-karattru ġie interpretat minn diversi żwiemel differenti, kull wieħed magħżul skont ix-xena u l-ħiliet meħtieġa. Kienu tim ta’ madwar għoxrin żiemel li ħadmu flimkien biex joħolqu l-illużjoni ta’ protagonist wieħed.
Il-film jittratta vjaġġ emozzjonanti ta’ żiemel jismu Joey matul l-Ewwel Gwerra Dinjija. Biex jaddattaw għall-istorja u l-varjetà tax-xeni – mill-ħajja f’razzett sal-kamp tal-battalja – kien impossibbli li żiemel wieħed iwettaq kollox b’mod sikur u realistiku. Għalhekk il-produzzjoni għażlet żwiemel differenti, kull wieħed b’saħħtu f’qasam partikolari. Intgħażlu żwiemel għall-azzjoni – f’xeni ta’ ġiri, f’movimenti mgħaġġla u f’sekwenzi ta’ battalja; żwiemel “eroj” – dawk li dehru fi close-ups intgħażlu għall-espressjoni u l-kalma tagħhom, kif ukoll intużaw doubles speċjalizzati, għal xeni li kienu jeħtieġu ħiliet speċifiċi bħal qabżiet jew movimenti koreografiċi.
Wieħed mill-aktar żwiemel magħrufa li interpretaw lil Joey kien Finder, żiemel li kien diġà deher fi produzzjonijiet oħra u kien magħruf għall-intelliġenza u l-kalma tiegħu quddiem il-kamera. Minkejja li ismu ma jidhirx fil-kretti uffiċjali, ħafna intervisti tal-ekwipaġġ isemmu lil Finder bħala wieħed mill-“eroj” tal-film.
Spielberg ried li l-film ikun kemm jista’ jkun realistiku iżda fl-istess ħin ried li ż-żwiemel jiġu ttrattati tajjeb u b’rispett. Għal dan il-għan kien hemm tim ta’ trainers professjonali fuq is-sett il-ħin kollu. Kull xena kienet ippjanata b’mod metikoluż biex ġew evitati r-riskji u l-inċidenti għaż-żwiemel, u ntużaw effetti speċjali u tekniki ċinematografiċi biex jissostitwixxu xeni perikolużi.
Il-produzzjoni kienet tant metikoluża li l-organizzazzjonijiet għall-ħarsien tal-annimali faħħru l-film għall-istandards għoljin tiegħu.
Il-karattru ta’ Joey sar ikoniku mhux biss minħabba l-istorja tiegħu iżda wkoll minħabba l-mod kif il-film irnexxielu juri l-emozzjonijiet tiegħu. Il-kontribut ta’ dawn iż-żwiemel kollha flimkien ħoloq wieħed mill-aktar karattri memorabbli fiċ-ċinema moderna.






























