Animal Welfare Logo

Darba kien hemm tifel jismu Sam li kien iħobb ħafna l-annimali. Kull darba li kien jara kelb jew qattus fit-triq kien jitbissem u jgħid, “Ara xi ħlew!”
Ġurnata waħda, waqt li kien sejjer lura d-dar mill-iskola, Sam ra qattus żgħir ħdejn bankina. Il-qattus ma kienx qed jimxi sew. Kien jidher midrub u mbeżża’. Sam waqaf u ħass qalbu tħabbat bil-paniku.

“X’nista’ nagħmel?” staqsa lilu nnifsu. Sam ftakar f’xi ħaġa importanti li kienet spjegatilhom l-għalliema xi ġimgħat qabel: “L-annimali ma jistgħux jitkellmu. Ma jistgħux jitolbu l-għajnuna. Għalhekk għandhom bżonn lilna.”

Sam ħares madwaru u ra mara qrib tiegħu. Mar ħdejha u qalilha, “Skużi, nista’ nuża l-mowbajl tiegħek? Hemm qattus midrub.”
Il-mara qaltlu iva, tatu l-mowbajl u Sam ċempel 153 ext 17.

“Hello,” qal Sam bil-mod. “Hawn qattus midrub. Għandu bżonn l-għajnuna. Qiegħed fi Triq il-Ward, ir-Rabat, ħdejn il-ħanut tal-ħelu.”

Il-persuna fuq it-telefown semgħetu u staqsietu ftit mistoqsijiet. Sam qallu fejn kien eżatt u x’kien qed jara.

“Prosit talli ċempilt,” qallu. “Ibqa’ hemm u stenna mal-qattus. Se niġu bl-ambulanza tal-annimali.”

Sam qagħad bilqiegħda ħdejn il-qattus, prova jagħtih ftit ilma u ftit wara waslet l-ambulanza tal-annimali u ħadet il-qattus għall-kura.

Dakinhar Sam tgħallem li tifel żgħir bħalu wkoll jista’ jsalva ħajja b’sempliċi telefonata f’waqtha.

Jekk tara annimal midrub ċempel 153 ext 17, għid l-isem tat-triq u l-lokalità u oqgħod stenna.

Ftakar: Sejħa waħda tista’ ssalva ħajja għax l-annimali m’għandhomx vuċi… imma int għandek.