
Qatt ħassejtek imdejjaq bla ma taf għaliex? Jew forsi qabditek ansjetà kbira, pereżempju minħabba l-istress tal-eżamijiet?
Tinkwetax!
Dawn huma affarijiet li jiġru lil kulħadd. L-emozzjonijiet huma parti mill-ħajja, u huwa importanti li nitgħallmu nifhmuhom u nieħdu ħsiebhom għax b’hekk nikbru b’saħħitna, kemm fiżikament kif ukoll mentalment.
Tajjeb li nkunu nafu kemm huwa bżonjuż li nfittxu l-għajnuna fil-waqt, u li l-aħjar ħaġa li nistgħu nagħmlu kull meta nħossuna inkwetati hi li niftħu qalbna ma’ xi adult li nafdaw. Inżommu f’moħħna li meta nitolbu għall-għajnuna nkunu qed nieħdu ħsieb tagħna nfusna bl-aħjar mod u b’kuraġġ kbir.
Nixtiequ ngħarrfukom bil-proġett Empowering a Mentally Healthy Generation (EmpowerME), li huwa proġett kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea li qed joħloq għodod u spazji diġitali ġodda sabiex jgħin lit-tfal u ż-żgħażagħ f’Malta jitgħallmu dwar l-emozzjonijiet tagħhom b’mod sempliċi u pożittiv. Dan il-proġett se jgħallmek tifhem aktar lilek innifsek u tkun taf fejn issib l-għajnuna meta jkollok bżonnha.
Permezz tal-EmpowerMe, AI robot li jismu Empowerinu ser ikun qed iżur l-iskejjel u jieħu sehem f’attivitajiet fil-komunità. Empowerinu huwa espert fis-saħħa mentali tat-tfal u kapaċi jitkellem magħhom b’mod sempliċi u li jinftiehem. Huwa mhux tabib jew terapista, imma jgħin lit-tfal jifhmu l-emozzjonijiet tagħhom, jgħallimhom dwar servizzi li jeżistu apposta għalihom u jħeġġiġhom jitkellmu ma’ adulti li jafdaw meta jkollhom bżonn l-għajnuna.
Bħala parti mill-proġett qed jinħoloq ukoll toolkit tas-saħħa mentali – li se tkunu tistgħu ssibuh b’xejn – fuq l-Empowering Children App. Dan it-toolkit se jgħin lit-tfal u ż-żgħażagħ jitgħallmu jieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħhom u jagħrfu meta u kif għandhom jitolbu għall-għajnuna b’mod faċli u sikur. Barra minn hekk l-Empowering Children App toffri wkoll emotional support chat, li biha t-tfal ikunu jistgħu jitkellmu privatament ma’ professjonisti mħarrġa kull xħin ikollhom bżonn, għaliex din iċ-chat miftuħa 24 siegħa kuljum.
Jekk qatt ikollok bżonn titkellem ma’ xi ħadd minnufih tista’ wkoll iċċempel 1579, il-helpline nazzjonali tas-saħħa mentali. It-telefonata tkun bla ħlas u disponibbli kuljum, lejl u nhar.
Għal iktar informazzjoni żur: empoweringchildren.gov.mt
Kun af li jekk qatt tħossok waħdek, imħasseb jew konfuż, dejjem hemm xi ħadd lest jisimgħek u jgħinek!
U ftakar: is-saħħa tal-moħħ hija importanti daqs dik tal-ġisem. Nieħdu ħsiebha!






























