
Circular Economy Malta (CEMalta) hija aġenzija taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika b’missjoni li tbiddel il-mod ta’ kif nużaw ir-riżorsi tagħna, u b’hekk nirbħu l-battalja kontra l-iskart.
Preżentament Malta taħdem fuq il-prinċipji ta’ dik li tissejjaħ “ekonomija lineari”, fejn il-prodotti huma użati u mbagħad jintremew. Pereżempju meta nixtru l-ikel take away, wara li nieklu, narmu l-kaxxi tal-ikel, li jkomplu jżidu mal-iskart, li fl-aħħar mill-aħħar huwa ħażin għad-dinja tagħna lkoll.
CEMalta qed taħdem biex tbiddel l-ekonomija ta’ Malta għal waħda aktar ċirkolari. L-ekonomija ċirkolari hi meta nerġgħu nużaw il-prodotti, nirranġawhom u nirriċiklawhom minflok narmuhom. B’dan il-mod inżommu l-prodotti fis-suq għal aktar żmien u nġeddu l-ħajja tal-prodotti, sabiex innaqqsu l-iskart u ngħinu l-ambjent. F’ekonomija ċirkolari l-prodotti jiġu ddisinjati apposta sabiex tiġi mtawla dik li nsejħulha “life-cycle” tal-prodott, li fi kliem iktar sempliċi hija l-ħajja tal-prodott, billi jiġu rranġati faċilment u jkunu riċiklabbli meta ma jistgħux jintużaw aktar.

X’Tagħmel Circular Economy Malta?
L-Aġenzija toħloq inizjattivi sabiex in-negozji u l-konsumaturi jkunu mħeġġa sabiex jirriċiklaw, jerġgħu jużaw u jnaqqsu l-iskart. Pereżempju CEMalta nediet l-inizjattiva “Bring Your Own Container (BYOC)” bl-għan li tnaqqas l-użu tal-kontenituri tal-plastik li jintużaw darba biss. L-inizjattiva għandha l-għan li tnaqqas il-plastik billi tinkoraġġixxi lin-nies biex jieħdu magħhom kontenituri li jistgħu jerġgħu jintużaw, meta jixtru prodotti li jinbiegħu f’kontenituri li jintużaw darba biss. L-inizjattiva tal-BYOC tista’ tintuża mill-konsumaturi fi ħwienet reġistrati madwar Malta u Għawdex.
Għaliex l-Ekonomija Ċirkolari hija Importanti?
L-ekonomija ċirkolari tgħin sabiex nipproteġu l-ambjent billi jitnaqqas l-iskart. Apparti minn hekk, ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-materjali huma iktar effiċjenti milli meta jinħolqu materjali ġodda. L-ekonomija ċirkolari toffri wkoll benefiċċji lin-negozji billi tgħinhom isiru inqas dipendenti fuq il-materjal ġdid (raw materials).
Pereżempju fl-ekonomija ċirkolari mill-ħwejjeġ il-qodma jistgħu jinħolqu ħwejjeġ ġodda, il-fliexken tal-plastik jistgħu jiġu riċiklati biex jinħolqu prodotti tal-plastik differenti, u l-karti jistgħu jerġgħu jiġu użati biex jinħolqu karti oħra. Dan mhux biss jgħin biex jiġi protett l-ambjent, iżda jgħin ukoll biex ma nużawx aktar riżorsi naturali milli meħtieġ.


Inti Kif Tista’ Tgħin?
Avolja CEMalta qed tagħmel ħafna biex tgħin lil Malta tikkonverti għall-ekonomija ċirkolari, hemm affarijiet sempliċi li kulħadd jista’ jagħmel biex jgħin. Tista’ tibda billi tirriċikla aktar id-dar, tieħu l-kontenituri li jistgħu jintużaw iktar minn darba meta tmur tixtri u tużahom għall-ikel tal-iskola wkoll. Tista’ tuża l-affarijiet aktar minn darba, u tipprova tirranġahom qabel ma tarmihom. Passi żgħar bħal dawn jistgħu jagħmlu differenza kbira!
B’hekk inkunu lkoll kavallieri tal-ekonomija ċirkolari!






























