Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

Għażilnielkom l-aħjar kotba tat-tfal li rebħu l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2024!

Ħoj! Kif inti? Qed togħġbok dil-gazzetta l-ġdida, jew?

Lili żgur li qed togħġobni għax iddeċidejt li nkellmek ftit dwar x’kotba jistgħu jinteressawk jekk tħobb taqra. U jien naħseb li tħobb taqra, hux, għax kieku m’intix tqalleb il-paġni f’dil-gazzetta.

Jiena Matthew u naħdem mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Għandi 35 sena, u għalkemm jidhru ħafna aktar minn 8 jew 11, inħobb nagħmel ħafna affarijiet li tħobb tagħmel inti wkoll, ngħidu aħna naqra u nilgħab xi sport ma’ sħabi.
Imma l-aktar li nħobb huwa s-Sibt meta nlesti mix-xogħol u nsib ċans naqra ftit fuq is-sufan, għax jiena l-ħin kollu mal-kotba, daqt joħorġuli minn widnejja u mit-toqob ta’ mnieħri wkoll!

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb norganizzaw il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, li fih nagħtu premju lill-aħjar kotba tat-tfal. U llum se nkellimkom dwar tnejn minn dawn il-kotba TA’ VERU!

Il-Każ tal-Kappell Ikkalibrat

Il-Każ tal-Kappell Ikkalibrat
Merlin Publishers

Ġieli qrajt ktieb iffirmat minnek stess? Jekk le, f’dal-ktieb fl-ewwel paġna nett tista’ tikteb ismek fih u allura jkun ktieb speċjali għax tiegħek biss! Imma jekk tikteb ismek, trid twegħedni li taqrah sal-aħħar. Ma jimpurtax, anki jekk ftit ftit.

Il-ktieb Il-Każ tal-Kappell Ikkalibrat inkiteb minn Leanne Ellul, u s-sena l-oħra rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għal kotba mmirati għal tfal bejn it-8 snin u t-12-il sena – eżatt eżatt kemm aktarx għandek żmien inti, hux veru?

Jekk inti wieħed jew waħda minn dawk li tieħdu l-ewwel biex issolvu xi mistoqsija, dan huwa l-ktieb għalik!

Niltaqgħu mal-Kapural Kukkarda Cucciardi li jgħix fil-pajjiż jismu Maxta – iva, qrajt sew, Maxta mhux Malta. Issa f’Maxta l-kpiepel huma importanti ħafna, mela jekk kappell jiġrilu xi ħaġa kulħadd ifittex jara x’ġara!

Affarijiet ma jitwemmnux! F’idejk biex issolvi l-każ.

Kif Issir Supereroj 2: Maskra Ħamra
Merlin Publishers

Jiena naħseb li t-tfal – anki inti li qed taqra – kollha eroj. Imma ma tkunx eroj hekk, għalxejn b’xejn, e! Kieku jkolli ngħidlek li jeżisti ktieb li jgħidlek kif tkun eroj – anzi SUPEReroj – taqrah?

Il-ktieb Kif Issir Supereroj 2: Maskra Ħamra kitbitu Antoinette Borg, u l-kittieba qalbitu għall-Malti għax dan il-ktieb proprja proprja kien inkiteb fl-Iżvezja u allura ma kienx bil-Malti. Dal-ktieb is-sena l-oħra rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għal kotba maqlubin għall-Malti.

L-istorja ta’ Lisa tixbah lill-istorja ta’ xi wħud minna, tiegħi, u forsi anki tiegħek. Lisa kienu jaqbdu magħha l-iskola, iżda dejjem emmnet li ma kinux qed jagħmlu sew u qatt ma baxxiet rasha.

Meta sabet ktieb jismu Manwal għas-Supereroj bdiet tipprattika s-superħiliet. Libset maskra ħamra u… nieqaf hawn inkella ngħidilkom l-istorja kollha!

Lili dal-ktieb għallimni xi ħaġa importanti: li anki jekk tkun żgħir ħafna, jekk tkun temmen fik innifsek u ma tkunx bully ma’ ħaddieħor inti diġà BNIEDEM KBIR!

Mela aqbad dal-ktieb u sir SUPEREROJ!