SportMalta Logo

Marlon Attard jibbenefika mill-Flexi Training Scheme ta’ SportMalta, inizjattiva li tassisti l-atleti fit-taħriġ waqt il-ħinijiet tax-xogħol biex jiksbu riżultati eċċellenti fil-kompetizzjonijiet. Jibbenefika wkoll mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali permezz ta’ SportMalta. Dawn l-atleti jirnexxu fil-livell nazzjonali u juru potenzjal fl-isports rispettivi tagħhom.

Nammetti li ma kont naf xejn dwar l-isport. Imma Marlon, b’doża ta’ entużjażmu, spjegali x’inhu l-iskeet shooting, l-isport li preżentament qed jipprattika b’dedikazzjoni. Marlon Attard qed jagħmlilna unur fil-qasam tal-isparar, jew aħjar kull meta jieħu sehem fil-kampjonati tal-ISSF – International Shooting Sport Federation. Imma ejjew nimxu pass pass (hawn nikkwota lil Marlon), u naraw min hu Marlon, biex nibdew.

Marlon introduċa ruħu bħala ġuvni ta’ erbgħa u għoxrin sena. Jgħix ir-Rabat, Għawdex. Trabba f’familja bi tradizzjoni tal-kaċċa. Marlon irrakkontali li meta kienu żgħar ħafna hu u ħuh Marcello kienu jqumu kmieni biex imorru ma’ missierhom. Kienu dawn il-mawriet li xprunaw liż-żewġ aħwa jaqbdu l-isparar fuq il-plattini bħala sport. Fi kliem Marlon stess, ma xtaqux li jsegwu d-delizzju ta’ missierhom, imma riedu jiskopru toroq oħra fl-isparar. Kien għad għandu erbatax-il sena meta beda l-isport, flimkien ma’ ħuh li huwa sena ikbar minnu. “Hija ħaġa sabiħa!” jgħidli ta’ spiss Marlon. Wara għaxar snin jipprattika l-isport qed jara r-riżultati u kuntent bid-deċiżjoni li għamel.

Iżda kemm kienet faċli jew diffiċli din it-triq sakemm wasal għas-suċċess?
Fi tfulitu Marlon kien ukoll jilgħab il-futbol, iżda dejjem ħass li ma kienx l-isport tiegħu. Mindu ħajru Marcello għall-iskeet shooting qatt ma ħares lura. L-ewwel sentejn ma kinux faċli. Marlon irrakkontali bejn b’nofs daħqa u bejn bi ħjiel ta’ weġgħa li l-iskola kienu jibbuljawh. Kien ta’ statura żgħira u sħabu kienu jinkuh li s-senter kien itajru meta jispara. Imma l-atleta tagħna altru li ma qatax qalbu. Anzi, din l-esperjenza għamlitu aktar b’saħħtu u ried jirbaħ dan l-ostaklu. Dejjem żamm f’moħħu li kellu għan li ried jilħaq.

U xi jżommu daqstant pożittiv huwa u jipprattika dan l-isport?
Marlon jgħid li s-sapport li sab mingħand ħuh Marcello għenu ħafna fil-karriera sportiva tiegħu. Tista’ tgħid li f’kull kompetizzjoni ż-żewġt aħwa kienu qrib xulxin. Anke meta ħuh ma setax ikun miegħu fil-kompetizzjonijiet tal-iSmall Nations Games. Ħsieb Marlon mar f’ħuh. Kif qalli hu stess l-isparar huwa sport li jeħtieġ preparazzjoni mentali u huwa importanti għalih li jaħseb ħsibijiet pożittivi. “Waqt il-finali ftakart fil-familja,” kienu kelmiet li laqtuni tassew. Is-sapport tal-ġenituri f’din it-triq kien importanti immens. Marlon qed japprezza s-sagrifiċċji li għamlu miegħu u ma’ ħuh. Bħal f’kull sport hemm l-iskariġġ u l-ispejjeż. U dan Marlon ma jinsiehx. L-atleta jfittex ukoll ispirazzjoni minn atleti Olimpiċi u jara kif jitgħallem mingħandhom. Jibqa’ jisħaq li l-isparar jirrikjedi ħafna konċentrazzjoni u għalhekk il-preparazzjoni trid tkun dixxiplinata u serja.

X’inhi d-differenza bejn l-iskeet shooting u t-trap shooting?
Marlon spjegali li fit-trap shooting it-target li jrid jintlaqat ikun ’il bogħod mit-tiratur, filwaqt li fl-iskeet shooting it-targets jitwaddbu wieħed mix-xellug u l-ieħor mil-lemin. Is-senter tal-iskeet shooting ikollu żewġ kanen, qagħad jispjegali Marlon bil-paċenzja kollha. Lil Marlon laqtu l-aktar l-iskeet shooting, l-isport li għadu jipprattika sal-lum.

Kif jirnexxilu jdaħħal it-taħriġ fl-iskeda tiegħu, Marlon?
“B’ħafna sagrifiċċji!” kienet it-tweġiba f’waqtha ta’ Marlon. Ta’ min jgħid li Marlon irid jaqsam il-baħar kull filgħodu minn Għawdex għal Malta. Jaħdem full-time hawn Malta. Imur lura Għawdex u jibda t-taħriġ tiegħu. Huwa importanti għalih li jżomm ruħu b’saħħtu. Minbarra t-taħriġ tiegħu fl-isparar, Marlon imur regolarment il-gym u joħroġ jiġri. Iħoss li l-ġiri jikkalmah. Jinħasel bl-ilma kiesaħ. U għalih hija importanti ħafna l-meditazzjoni, speċjalment qabel xi avveniment sportiv. Ħafna drabi anke wara jkun hemm bżonn jevalwa xi jkun mar ħażin jew fiex jista’ jmur aħjar. Il-mawriet fl-iskejjel jitkellem mat-tfal tal-iskola dwar dan l-isport ukoll jgħinuh f’dan il-qasam. Stqarr li biex irnexxa qata’ l-ħruġ biex jiddedika aktar ħin għall-isport. Persuna importanti ħafna f’ħajtu, li hija l-għarusa tiegħu, ukoll tagħtih ħafna sapport. Leanne hija psikologa u tgħinu fil-preparazzjoni li jeħtieġ jgħaddi minnha Marlon.

Kemm jitħarreġ kuljum? U fejn isir dat-taħriġ?
Jitħarreġ mas-siegħa u nofs kuljum, qisu seba’ sigħat fil-ġimgħa. Marlon jisħaq dejjem fuq il-positive thinking. Tul l-intervista nħossu jgħaddi dal-messaġġ filwaqt li jgħid li trid tibqa’ tippersisti minkejja d-diffikultajiet. Waqt kompetizzjoni ma jħarisx lejn ir-riżultat li jista’ jġib imma kif jista’ jagħti l-aħjar tiegħu. “Tarġa tarġa” hija l-filosofija ta’ Marlon, u li trid tkun dejjem saqajk mal-art. Għawdex jitħarreġ fix-shooting range, ix-Xwejni, iż-Żebbuġ – Għajn Melill. Jitħarreġ ukoll hawn Malta fis-shooting range ta’ Kandja, limiti tas-Siġġiewi.

Hawn xejn interess f’dan l-isport fost it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna?
B’qalbu ftit qawwija Marlon jgħid li dawn l-aħħar sentejn qed jara aktar interess f’dan l-isport, kemm meta jitħarreġ f’Tax-Xwejni kif ukoll Ta’ Kandja. Wera x-xewqa li jkun hawn aktar għarfien dwar l-isport u jingħata aktar importanza. Jixtieq jara aktar impenn u forsi aktar fondi. Ħolma ta’ Marlon hija li jkun atleta full-time. Min jaf? Forsi fi ftit snin oħra… Se jsibna warajh żgur għax qed jagħmlilna unur kull darba li jikkompeti barra minn xtutna. Jammetti li meta kien għadu l-iskola l-isfidi kienu akbar għax kellu jiffoka wkoll fuq l-iskola. Imma issa d-distrazzjonijiet huma inqas u jħoss li jista’ jikkonċentra aktar fuq l-isparar.

Min l-aktar li ispirah dan l-aħħar?
B’nota ta’ apprezzament f’leħnu Marlon semmieli lill-atleta Amerikan Vincent Hancock, atleta tal-Olimpjadi u rebbieħ ta’ bosta medalji tad-deheb. Iltaqa’ miegħu meta mar jikkompeti fil-Kroazja. Tah pariri fit-teknika u kien ta’ għajnuna kbira għalih. Ta’ min ifakkar li Marlon Attard f’din il-kompetizzjoni kien rebaħ il-fidda u mmarka ismu fl-istorja! Il-Grieg Charalambos Chaldiadakis rebaħ id-deheb u t-Taljan Tammaro Cassandro rebaħ il-bronż.

Fejn jara lilu nnifsu Marlon ftit snin oħra?
Lil Marlon staqsejtu jekk jitħajjarx jgħaddi dan l-isport lil tfal u żgħażagħ oħra bħala kowċ. Marlon weġibni li dan sport li jiftaħlek ħafna toroq u jitħajjar jużah biex ikun ta’ ġid għal min irid jaqbad din id-dixxiplina sportiva. Huwa sport li jimmotivak u li fi ftit kliem jagħmlek persuna aħjar. U nemmen li l-umiltà, id-determinazzjoni u l-entużjażmu ta’ Marlon se jispiraw bosta żgħażagħ.

Iżda x’inhi l-akbar ħolma ta’ Marlon?
“Li jien u ħija mmorru l-Olimpjadi!” Marlon baqa’ sal-aħħar tal-intervista jsemmi lil Marcello u l-importanza tas-sapport tal-familja. F’waqt minnhom Marlon staqsa lil ommu, “Ferħana bija u b’ħija?” Inħallikom taqtgħu r-risposta waħedkom!