
Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi jaħdem fuq diversi aspetti tat-trasport fuq l-art, l-ajru u l-baħar, kif ukoll fuq l-infrastruttura tal-pajjiż, bħalma huma t-toroq u l-portijiet. Bħalissa l-Ministeru għaddej b’ħidma fuq kampanja ta’ informazzjoni dwar karrieri fil-qasam marittimu.
Fl-industrija marittima hemm irwoli differenti kemm fuq il-baħar kif ukoll fuq l-art.
Ħafna drabi naħsbu li din l-industrija hija għall-irġiel biss, iżda hemm ukoll ħafna nisa li jagħmlu xogħlijiet fil-qasam marittimu, saħansitra bħala kaptan!
Il-kaptan huwa dak li jmexxi l-vapur lejn id-destinazzjoni tiegħu kif ukoll jieħu ħsieb tal-ekwipaġġ, u tal-passiġġieri, f’każ ta’ vapur illi jġorr il-passiġġieri, bħal pereżempju cruise liners jew il-vapur t’Għawdex. Jgħin lill-kaptan insibu lill-uffiċjal tan-navigazzjoni. Dan jassisti lill-kaptan u jara li l-kundizzjonijiet tat-temp huma sikuri biżżejjed biex il-vapur ikun jista’ jsalpa.
Xogħol ieħor importanti ħafna huwa dak tal-inġinier marittimu. Dan jieħu ħsieb il-makkinarju tal-vapur, u jieħu ħsieb sabiex kollox jaħdem kif suppost. F’każ illi jkun hemm xi ħsarat waqt li l-vapur ikun qiegħed isalpa, l-inġinier marittimu jaħdem mat-tim tal-manutenzjoni biex flimkien isolvu l-ħsarat u l-vapur ikun jista’ jkompli bil-vjaġġ tiegħu. Minbarra dan hemm ukoll id-deckhands. Dawn huma dawk li jgħinu fl-irbit tal- ħbula kif ukoll fit-tindif u l-għajnuna lill-kaptan meta l-bastiment jidħol u joħroġ mill-port jew jittrakka ma’ xi moll.
Barra minn dawn ix-xogħlijiet li ġeneralment naħsbu fihom meta nisimgħu dwar vapuri hemm ukoll karrieri marittimi relatati mal-ospitalità. Pereżempju hemm il-kok li jipprepara l-ikel għat-tim abbord, u għall-passiġġieri fuq vapuri tal-passiġġieri. Hemm ukoll xogħlijiet bħal stilisti tax-xagħar, personal trainers, barbiera u terapisti tas-sbuħija li huma mfittxija ħafna fuq superyachts u cruise liners. Dawn ix-xogħlijiet jagħmlu l-vjaġġ aktar komdu u pjaċevoli għall-passiġġieri.
L-industrija marittima hija kbira! Hemm ħafna opportunitajiet għal kulħadd.Jekk tinteressa ruħek f’xi rwol li għandu x’jaqsam mal-qasam marittimu, fl-iskola sekondarja għandek tiffoka fuq is-suġġetti tal-Matematika, il-Fiżika, il-Ġografija, l-Ingliż u lingwi oħra, it-Teknoloġija tal-Informatika u t-Teknoloġija tal-Inġinerija.
Kont taf li…
fil-qasam marittimu jintuża kliem differenti minn tas-soltu?
Port tfisser in-naħa tax-xellug tal-vapur
Starboard tfisser in-naħa tal-lemin
Il-pruwa hija quddiem tal-vapur
Il-poppa hija wara tal-vapur
Ċima tfisser ħabel
Vira tfisser tella’ eż: vira l-merkanzija
Majna tfisser niżżel eż: majna l-merkanzija
Tipi ta’ vapuri li nsibu fl-ibħra Maltin

Vapuri tal-merkanzija
Dawn il-vapuri kbar huma responsabbli għall-biċċa l-kbira tal-oġġetti li nużaw ta’ kuljum, bħal ħwejjeġ u ikel minn pajjiżi oħra. Ħafna drabi jkunu stivati għoljin bil-kontejners, li huma bħal kaxxi tal-metall ġganteski mimlija bil-prodotti.

Superyachts
Dawn il-jottijiet lussużi huma bħal vilel kbar fuq wiċċ l-ilma! Bil-pixxini, il-helipads u kulma tista’ timmaġina, is-superyachts spiss narawhom fil-portijiet ta’ Malta.

Ferries
Dawn huma vapuri iżgħar iddisinjati biex iġorru l-passiġġieri minn post għal ieħor f’distanzi li huma qosra. F’Malta nsibu l-Gozo Ferry, li nużawh biex immorru minn u lejn il-gżira Għawdxija.

Sottomarini
Dawn huma vapuri li jistgħu jivvjaġġaw taħt l-ilma biex jesploraw il-baħar fond jew jgħinu biex jiġu protetti l-pajjiżi. Ċerti sottomarini saħansitra skoprew nawfraġji f’qiegħ l-oċean!

Cruise Liners
Dawn huma prattikament bħal lukandi li jżommu f’wiċċ l-ilma u jġorru eluf ta’ passiġġieri madwar id-dinja. Dawn għandhom pixxini, ristoranti u saħansitra teatri abbord.

Patrol Boats
Il-Forzi Armati ta’ Malta jużaw dawn il-bastimenti biex iżommu l-ibħra tagħna sikuri. Huma jgħinu f’missjonijiet ta’ salvataġġ u anki jaraw li l-baħħara jsegwu r-regoli marittimi. Il-patrol boats jiġu f’qisien varji; jistgħu jkunu laneċ żgħar imma anki vapuri. Pereżempju waħda mill-ikbar patrol boats tal-Forzi Armati hija l-P71.

Laneċ tal-irmonk
Jew kif nafuhom ukoll, it-tug boats. Dawn il-bastimenti, li wkoll ikunu ta’ qisien differenti, jgħinu biex jiggwidaw vapuri kbar lejn u ‘l barra mill-portijiet billi jiġbduhom jew jimbuttawhom. Mingħajr il-laneċ tal-irmonk il-bastimenti kbar ma jkunux jistgħu jidħlu b’mod sikur lejn ix-xatt!
Kurżità
Taf fejn tinsab l-iktar parti fonda tal-baħar fid-dinja?
L-aktar parti fonda tal-oċean tissejjaħ Challenger Deep u tinsab taħt il-Punent tal-Oċean Paċifiku fin-Nofsinhar tal-Mariana Trench. L-eqreb art tal-Mariana Trench hija l-gżira territorjali tal-Istati Uniti bl-isem ta’ Guam. Challenger Deep huwa fond madwar 10,935 metru, li jiġu madwar 35,876 pied. Dan ifisser li kieku l-Muntanja Everest, l-ogħla muntanja fid-dinja, titpoġġa taħt l-ilma fil-Mariana Trench, il-quċċata tagħha xorta tkun aktar minn mil taħt l-ilma!






























