Illum li ssir ġurnalist ifisser aktar minn sempliċement tikteb rapport. It-teknoloġija moderna, l-internet, il-midja soċjali u l-vidjografija bidlu kif niġbru u nwasslu l-aħbarijiet. Ġurnalist tajjeb għandu jkun kurjuż, jistaqsi l-mistoqsijiet u juża l-għodod diġitali biex jikteb, jirrekordja u jxandar l-istejjer b’mod effettiv.

F’din it-taqsima se nispjegaw il-passi ewlenin biex tibda l-vjaġġ tiegħek fid-dinja tal-ġurnaliżmu!

X’inhu l-ġurnaliżmu?

Il-ġurnalisti jirrapportaw esperjenzi u ġrajjiet li jseħħu madwarna fuq livell nazzjonali u saħansitra jinfurmaw lin-nies bl-aħbarijiet internazzjonali. Dan iseħħ speċjalment meta dawn l-aħbarijiet fuq livell internazzjonali jkunu se jaffettwaw lil Malta. Eżempju ċar huwa l-gwerra fl-Ukrajna. Xogħol il-ġurnalist huwa li jistaqsi l-mistoqsijiet, jikseb il-fatti u jaqsamhom man-nies/udjenzi li jkunu fuq il-post tax-xogħol jew mid-dar ikunu jistgħu jsegwu l-ġabra tal-aħbarijiet li titlob sigħat ta’ ħidma għal kull kamra tal-aħbarijiet.

Fatt: Il-kelma “ġurnaliżmu” ġejja mill-kelma Franċiża “journal“, li tfisser “aħbarijiet ta’ kuljum”!

L-għodod tal-ġurnalist

Biex issir ġurnalist tajjeb trid:

Kuraġġ, kurżità u determinazzjoni Staqsi min, xiex, meta, fejn, għaliex u kif.

Kitba tajba Sentenzi qosra u li jinftiehmu b’mod faċli.

Tisma’, tosserva, iżda fuq kollox tanalizza Ara x’qed jiġri madwarek imma mhux kulma tisma’ huwa korrett.

Tiċċekkja l-fatti Kun żgur li dak li tgħid hu minnu.

Tkun kunfidenti Staqsi bil-kuraġġ u l-edukazzjoni.

Lingwaġġ Ġurnalist tajjeb kapaċi jadatta skont il-persuni li se jkun qiegħed jindirizza.

L-intervisti

Għandek bżonn tagħmel intervista? Hawn xi pariri:

Ibda billi tagħmel ir-riċerka tiegħek, eżempju x’ġie rrappurtat qabel?

Ipprepara l-mistoqsijiet qabel.

Tiddejjaqx titlob għall-għajnuna ta’ ħaddieħor biex tasal għall-persuna li tixtieq tintervista.

Kun edukat u uri rispett.

Irrekordja jew ikteb in-noti (bil-permess).

Dejjem għid grazzi wara l-intervista!

Kif inkun ġurnalist tajjeb?

Kun onest – Qatt tagħmel stejjer minn rasek!

Kun ġust – Agħti l-istorja kollha, mhux naħa waħda biss.

Agħti krettu – Jekk tuża ritratt jew informazzjoni, għid minn fejn ħadthom.

Kun sikur – Qatt ma għandek taqsam informazzjoni personali online mingħajr l-għajnuna ta’ adult.


Mudell għall-aħbarijiet:

Titlu: Ħu ftit ħin biex tagħmel titlu qasir u ċar.

Introduzzjoni: Frażi waħda li biha tipprova tiġbed lill-qarrej biex ikompli jaqra r-rapport.

L-istorja: Fittex, staqsi u analizza biex tikteb dwar il-fatti.

Konklużjoni: Agħlaq ir-rapport b’xi ħaġa interessanti li tagħmel ir-rapport wieħed kredibbli, eżempju f’każ ta’ inċident il-ġurnalist jiċċekkja jekk hijiex għaddejja investigazzjoni.


Eżempju ta’ aħbar fittizja biex jgħinek:

1. Titlu: Studenti Maltin bi proġett ġenjali kontra l-ħela tal-ikel

2. Introduzzjoni: Grupp ta’ studenti minn skola f’Malta ħarġu b’idea ġdida biex l-ikel fil-lukandi u stabbilimenti oħra ta’ dak it-tip ma jintremiex.

3. Bażi tar-rapport: Il-klassi tar-raba’ sena fil-primarja ta’ San Pawl il-Baħar skopriet li ħafna lukandi jarmu l-ikel żejjed kuljum. Iddeċidew li jieħdu azzjoni. Għalhekk il-ġimgħa li għaddiet ippreżentaw proġett li fih il-lukandi jistgħu jagħtu l-ikel li jifdal lil santwarji tal-annimali.

Il-pjan tagħhom jinkludi li jwaqqfu kampanja “Happy Fridge” fejn l-ikel jista’ jinġabar. Il-proġett issa qed jiġi kkunsidrat mill-kunsill lokali biex isir realtà.

4. Kumment mingħand xi ħadd fis-settur: “Sabiħa ħafna din l-idea! Hekk ma jintilifx l-ikel u l-annimali jkollhom x’jieklu,” qal is-Sur Mario, maniġer ta’ lukanda, f’kumment ma’ din il-gazzetta.

5. Konklużjoni: L-istudenti qed jittamaw li proġetti bħal dawn jistgħu jseħħu f’aktar lokalitajiet f’Malta u Għawdex biex jgħinu kemm lill-ambjent kif ukoll lill-annimali. Flimkien mal-għalliema tagħhom qegħdin f’kuntatt mal-awtoritajiet tal-pajjiż biex flimkien ikunu jistgħu jagħmlu dan il-proġett realtà. 

6. Ritratti: Ritratt li juri annimali qegħdin jieklu, jew tal-friġġ mimlija ikel.